“Affarijiet li jiġru” – hekk iddeskriva l -iskandlu fil-Korp tal-Pulizija, il-Ministru għall-Familja u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon.
Dan meta kważi ġimgħa wara li faqqa’ wieħed mill-agħar skandli li laqat il-Korp tal-Pulizija, ħadd mill-Gvern għadu ma ġarr responsabbiltà għar-racket organizzat li kien għaddej.
Net News staqsa lill-Ministru Michael Falzon, kif jaħsibha dwar il-pożizzjoni ta’ Michael Farrugia -il-Ministru li kien responsabbli mill-Korp meta kien għaddej dan kollu – iżda, mistoqsi Farrugia messux irriżenja, Falzon deher għal kollox skomdu jikkummenta fuq siehbu, u qalilna li “dawn huma affarijiet li jiġru”.
Staqsejna lil Michael Falzon jekk kienx qed jiskuża lill-kollega tiegħu fid-dawl ta’ dan l-iskandlu, hu rreferiena għal Michael Farrugia u qalilna sempliċiment li għandna nistqsu lill-Ministru konċernat.
Xi ħaġa li Net News għamel ftit tal-jiem ilu, u fejn Farrugia, tmasħan imma ma weġibx.
Minbarra stejjer ta’ eluf ta’ ewro fi ħlasijiet minn taħt, issa inkixfu wkoll stejjer ta’ theddid fuq uffiċjali oħra tal-Pulizija, relazzjonijiet intimi bejn Pulizija f’forma ta’ tpattija, serq ta’ fuel, xibka ta’ hbiberiji, ċitazzjonijiet maħfura b’mod abbużiv u ħafna aktar.
Il-persuna li esponiet din il-korruzzjoni fil-korp tal-Pulizija stqarret li uffiċjali ġabru “flus” mingħand kumpanijji tal-kostruzzjoni u oħrajn tat-trasport biex jagħlqu għajnejhom għal ċitazzjonijiet u ksur ieħor tal-liġi.
U minkejja li għaddiet ġimgħa, la Farrugia u lanqas ħadd ieħor mill-Gvern għadu ma refa’ fuq spalltu xi tip ta’ responsabbiltà għal skandu li kisser korp tal-Pulizija, b’ħafna uffiċjali onesti spiċċaw demoralizzati u qalbhom maqtugħha li l-Korp jerġa jitnaddaf u b’xi mod jikseb lura l-fiduċja tal-poplu.
//= $special ?>