Lokali

Attivisti Laburisti jgħidu li l-Partit tagħhom “beda jimrad”

Il-Partit Laburista beda jimrad. L-għan ta’ partit li jitla’ fil-Gvern mhux għal tal-qalba biss, iżda għal kulħadd.

Din hi silta minn tweġiba ta’ attivist akkanit fil-Partit Laburista għal kumment ta’ attivist ieħor fi grupp privat fuq Facebook, fid-dawl tal-fatt li lbieraħ il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela indirizza l-ewwel Konferenza Ġenerali tal-Partit minn kemm ilu li ħa l-kariga.

Fl-aħħar ġimgħat, il-membri fit-tmexxija Laburista ma naqsux jappellaw għall-għaqda … xi ħaġa li tidher li qed isseħħ biss mill-aspett kosmetiku. Għax fil-fatt, l-attivist li fetaħ id-diskussjoni fil-grupp fuq Facebook innota kif ilbieraħ ħassu ħuta barra mill-ilma u “mid-dehra mhux waħdi għax anke barra kien vojt”.

Fil-fatt, minkejja li l-Partit Laburista rama screen kbir fuq barra, kif għamel meta kellu attività bħal din fl-aħħar xhur, it-triq quddiem il-Kwartieri Laburista baqgħet vojta “qoxqox”. L-attivitst ikkummenta kif wara 30 sena attiv, qatt ma ħassu hekk. “Ħassejtni kont ġo Partit li mhux tiegħi jew tkun ġdid”, temm jikteb.

Min-naħa tiegħu, l-attivist l-ieħor wieġbu li l-partitarju Laburist għandu bżonn ikun skjett u jaċċetta li l-Partit beda jimrad. Saħaq li l-“ħażin ta’ Peppu mhux iġġustifikat mill-ħażin ta’ Ċikku”, filwaqt li “min inqatalu rasu għax kien qed jerda’ bil-goff, ġralu sew”.

Dan b’referenza għall-mod kif Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu fost dawk li tilfu posthom wara l-iżviluppi politiċi tal-aħħar xhur.