Internazzjonali

Coronavirus: Il-passiġġieri Amerikani fuq bastiment tal-cruises jitwasslu lura d-dar biex ikomplu bil-kwarantina

Żewġ ajruplani wasslu lura lejn l-Istati Uniti mijiet ta’ ċittadini Amerikani li għamlu żmien fuq bastiment tal-cruises milqut mill-coronavirus qattiel u li qed jinżamm f’port fil-Ġappun. Dawn iċ-ċittadini, fil-preżent qegħdin jinżammu taħt proċeduri stretti ta’ kwarantina.

Ajruplan minnhom niżel fil-bażi tal-qawwiet tal-ajru Amerikana f’Kalifornja, bl-ieħor jasal fl-Istat ta’ Texas.

Dan meta l-passiġġieri tal-bastiment Diamond Princess għandhom jinżammu għal erbatax-il jum fi stat ta’ iżolament fil-faċilitajiet militari inkwistjoni. Il-perjodu tal-kwarantina qed isir irrispettivament miż-żmien li dawn in-nies kienu damu ‘magħluqin’ fuq il-bastiment.

Kien hemm madwar 400 turist Amerikan fuq id-Diamond Princess. Dan il-bastiment – bi 3,700 passiġġier u l-membri tal-ekwipaġġ abbord – ilu mit-3 ta’ Frar jinżamm taħt kwarantina fil-port ta’ Yokohama. Il-miżuri ta’ prekawzjoni ttieħdu wara li sar magħruf li eks passiġġier ta’ dan il-vapur kien marad bil-coronavirus – jew kif inhu magħruf, il-COVID-19.

L-Uffiċjali tal-Ġappun, fl-aħħar sigħat żvelaw li kien hemm mal-100 każ ġdid ta’ infezzjoni fuq id-Diamond Princess, u hekk it-total tal-infettati bil-coronavirus fuq dan il-bastiment kien ikkonfermat mal-454. Dan hu l-akbar ‘grupp ta’ infezzjonijiet’ mill-coronavirus barra ċ-Ċina.

Sadanittant, iċ-Ċina rrappurtat total ta’ 2,048 każ ġdid tal-coronavirus. Minn dawn il-każi ġodda, 1,933 huma mill-provinċja ta’ Hubei, li hi kkonfermata bħala ‘l-epiċentru’ tal-virus li qed jallarma lid-dinja.

’Il fuq minn 70,500 madwar iċ-Ċina spiċċaw infettati bil-coronavirus. Fil-provinċja ta’ Hubei biss, in-numru uffiċjali tal-każi laħaq it-58,182, bil-parti l-kbira tal-każi l-ġodda – u l-imwiet sussegwenti – ikunu rrappurtati f’Wuhan, li hu l-akbar belt tal-provinċja.

Fi żviluppi oħra, l-istanding committee tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu fiċ-Ċina qal li se jiltaqa’ l-ġimgħa d-dieħla biex jiddiskuti posponiment potenzjali għall-Kungress ta’ din is-sena (l-aktar laqgħa annwali importanti tal-Partit Komunista fil-Gvern) b’kaġun tal-epidemija attwali.

Intant, avveniment pubbliku li kellu jsir din il-ġimgħa biex jiċċelebra għeluq snin l-Imperatur il-ġdid tal-Ġappun, Naruhito, tħassar minħabba t-tħassib dwar il-firxa tal-virus.

Fir-Russja, qorti għaddiet direttiva biex mara li ħarbet minn faċilità għall-kwarantina ‘tmur lura lejn din il-faċilità’ u tibqa’ hemm sakemm l-awtoritajiet jikkonfermaw li hi ħielsa minn kull suspett li tista’ tkun infettata bil-COVID-19. Din il-mara ngħatat ċans sa għada biex tirritorna.