Lokali

Dgħajsa b’90 immigrant ieħor dieħla fl-ibħra Maltin

Dgħajsa b’90 immigrant abbord tinsab riesqa lejn iż-żona ta’ tfittix u salvataġġ Maltin.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-Forzi Armati ta’ Malta huma infurmati b’dan, madankollu meta dan is-sit prova jikkuntattja lis-sezzjoni tal-media tal-AFM, ma kienx hemm tweġiba minn naħa tal-Forzi Armati.

Dawn l-immigranti jinsabu ftit mili nawtiċi bogħod minn pajjiżna, bħal ma jinsabu żewġ dgħajjes oħra li fuqhom hemm aktar minn 100 immigran ieħort, inkluz nisa u tfal.

Intant f’għadd ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ, matul il-jum tat-Tnejn il-Gwardja tal-kosta Libjana permezz tal-frejgata Ras Jadar salvaw xejn inqas minn 235 immigranti irregolari li kienu għadhom qed isalpaw fl-ibħra Libjani.

Sa issa, mill-bidu tas-sena ‘l hawn daħlu kwazi 750 immigrant f’pajjiżna. Meta Net News staqsa kemm immigranti ġew rilokati f’pajjiżi oħra tul l-2019 permezz ta’ mistoqsija skont il-Liġi tad-Dritt tal-Espressjoni, din l-informazzjoni ġiet miċħuda.