Għawdex Kultura Lokali

Eluf ta’ familji jimlew il-pjazza tan-Nadur

Il-Hadd, 16 ta’ Frar, il-Pjazza tan-Nadur laqgħet fiha eluf ta’ familji minn kull parti tal-gżejjer Maltin għal Karnival Organizzat tan-Nadur.

Dan huwa l-aktar Karnival Organizzat popolari u mfittex fl-irħula ta’ pajjiżna, fejn din is-sena ipparteċipaw mad-900 parteċipant.

Dawn kienu jinkludu danez tat-tfal tal-iskejjel kif ukoll tfal ta’ gruppi oħra bil-kostumi, sfilata tad-daħq bl-iskop ji jiżfnu u jdaħħqu, sfilata ta’ gruppi bil-kostumi tal-karnival, sketches spontanji li jdewqu lil dawk preżenti bi ftit minn dak li joffri l-Karnival Spontanju tan-Nadur, settijiet ta’ maskeruni, u anke karrijiet trijonfali.

L-istess Karnival, li din is-sena ġie ppreżentat minn Danusan, għalaq bil-Kukkanja Tradizzjonali kemm tat-tfal u anke tal-Kbar, liema programm beda f’nofsinhar u għalaq fis-6.00pm.

Preżenti għal din l-attività kien is-Sindku tan-Nadur Edward Said flimkien mal-kunsilliera tan-Nadur u anke rapreżentati tal-Kultura Għawdex u tal-Karnival ta’ Malta.

Fi kliem is-Sindku Edward Said, mill-ġdid rajna rekord ta’ persuni li attendew għal dan il-Karnival u peress li l-performances kienu kollha minn gruppi Għawdxin dan jawgura tajjeb għas-snin li ġejjin.