Lokali

Il-proġett tal-Malta Trust Foundation jagħti sostenn lil 400 student

Il-proġett Blossom jiġi estiż għall-Middle School tan-Naxxar

Studenti li jattendu l-iskola medja tan-Naxxar u li qed jaffaċċjaw sfidi diffiċli fil-ħajja tagħhom, ser jibdew jibbeneffikaw minn servizz psiko-soċjali wara li l-Malta Trust Foundation kisbet €40,000 għall-proġett Blossom, proġett li ser ikun qed jipprovdi counsellors fl-iskejjel b’mod permanenti.

Illum, id-Deloitte Foundation, Maria Reġina College u il-Malta Trust Foundation, iffirmaw ftehim li jiggaranttixi is-servizz ta’ counsellor fl-iskola għat-tlett snin li ġejjin.

Dan il-ftehim huwa frott tas-suċċess li il-proġett Blossom kellu fl-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar erba’ snin ilu, fejn żewġ counsellors – iffinanzjati minn entitajiet privati – offrew sapport lil aktar minn 400 tifel u tifla.

Il-President tat-Trust u President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, qalet: “L-iskop tal-proġett Blossom huwa li tiżgura li l-iskejjel ikunu jistgħu joffru servizz ta’ counsellor sabiex, permezz ta’ dan is-servizz, l-istudenti jingħataw l-opportunita’ li jsaħħu l-ħiliet tagħhom permezz ta’ għajnuna psiko-soċjali biex ikunu jistgħu jaffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja.”

Huwa biss permezz tal-impenn u l-għajnuna finanzjarja ta’ entitajiet privati u kumpaniji oħra li għandhom interess jinvestu fil-Corporate Social Responsibility li proġetti bħall-Blossom jistgħu jsiru realta’. Huwa ta’ sodisfazzjoni kbir li llum, dan il-proġett ser jiġi estiż għall-Middle School tan-Naxxar, temmet tgħid Coleiro Preca.

L-iskop tat-Trust huwa li jsaħħaħ is-servizzi li huma diġa’ eżistenti, u permezz tal-kollaborazzjoni mal-amministrazzjoni tal-iskola, għalliema u LSEs, tlett counsellors ġew impjegati sabiex joffru sapport lill-istudenti tal-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar, lill-ġenituri tagħhom u anke l-impjegati amministrattivi tal-iskola sabiex ikunu jistgħu jifhmu l-problemi psikoloġiċi li jiltaqgħu magħhom.

Dan il-proġett sar realta’ grazzi għall-appoġġ finanzjarju ta’ kumpaniji privati, bħal Deloitte Malta, li riċentement waqqfet il-Fondazzjoni Deloitte – organizzazzjoni volontarja u bla skop ta’ qligħ – bħala parti mill-impenn kontinwu tagħha biex tħalli impatt fis-soċjeta’. L-għanijiet tagħha huwa li jappoġġjaw inizjattivi taħt erba’ pilastri ewlenin: edukazzjoni ta’ kwalita’, sostenibbilta’ ambjentali, wirt kulutrali u impatt fuq is-soċjeta’.

Marc Alden, CEO ta’ Deloitte Malta, qal li “l-għan u l-iskop tal-Fondazzjoni Deloitte huwa li jkollna impatt li jinteressa lill-klijenti tagħna, in-nies tagħna u lis-soċjeta’. Hekk kif in-negozju tagħna jikber u jevolvi, aħna nħossu ħtieġa aktar qawwija biex ngħixu l-iskop tagħna u li nikkontribwixxu għall-ġid tal-kommunitajiet lokali billi nużaw il-ħiliet, l-għarfien u r-riżorsi tagħna. Huwa permezz ta’ proġetti bħal dan li jgħinna nilħqu dawn l-iskopijiet. Aħna kburin li ħafna bil-kollaborazzjoni mal-Malta Trust Foundation fuq din l-inizjattiva, u nistennew bil-ħerqa r-riżultati pożittivi u ninsabu pozittivi li dan il-proġett ser jħalli l-frott tiegħu.

Carmen Galea, waħda mill-counsellors, appellat biex l-awtoritajiet tal-edukazzjoni jinvestu aktar f’dan il qasam u jassigguraw illi, kull skola toffri s-servizz ta’ counsellors sabiex jassiguraw illi l-edukazzjoni tat-tfal ma tiġix ostakolata għaliex it-tfal ma sabux l-għajnuna li għandhom bżonn.

Waħda mill-problemi rikorennti il-għaliex it-tfal fittxew l-għajnuna hija minħabba li l-ġenituri tagħhom kienu għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni, speċjalment f’każijiet fejn dan il-proċess ikun wieħed ostili. Dan għaliex, minħabba s-separazzjoni tal-ġenituri, il-ħajja tat-tfal tinqaleb ta’ taħt fuq minn żewġ persuni li jħobbu.

“L-għalliema tal-guidance jgħinu, pero’, dawn is-sitwazzjoni jmuru ‘l hinn mill-problemi akademiċi tat-tifel jew tifla. Il-proġett Blossom, ser ikun qed jgħin lill-istudenti mill-aspett psikoloġiku u għaldaqstant jgħin lill-istudent sabiex jirċievi edukazzjoni b’mod ħolistika . . . ix-xewqa tiegħi hija li dan il-proġett jiġi estiz għal kull skola.” kompliet tgħid Galea.

Josette Dalmas, li kienet il-Kap tal-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar għal aktar minn tmien snin, qalet illi, il-counsellors li kienu iffinanzjati mill-proġett Blossom kienu ta’ għajnuna liema bħala speċjalment f’każijiet fejn kien hemm problema ta’ attitudni u kien ukoll f’każijiet fejn studenti mmigranti esperjenzaw twarma kbira minħabba li kellhom jitilqu minn pajjiżhom u jħallu kollox warajhom, bħal ġugarelli, familja u ħbieb.

“Hija inkuraġġanti li tara studenti li huma stess jitolbu li jagħmlu użu minn dan is-servizz ta’ counsellors. M’hemm xejn isbaħ milli terġa’ tara lill-istudent jew studenta jitbissem jew titbissem jew li jgħannqu biex jgħidlek grazzi. Is-servizz li qed jingħata mill-counsellors huwa eċċellenti u  li kieku ma kienx għalihom, ma kienx jirnexxili mmexxi l-iskola.”