Internazzjonali

Ippjanaw attakki fuq politiċi, refuġjati u l-moskej fil-Ġermanja

Rapporti mill-Ġermanja qalu li membri ta’ grupp estremista tal-lemin li spiċċaw arrestati fl-aħħar jiem kienu qed jippjanaw sensiela ta’ attakki fuq politiċi lokali – bir-refuġjati u l-moskej fil-Ġermanja wkoll ikunu indikati bħala ‘miri għall-aggressjoni’.

L-arrestati – mifhuma li madwar 12 – huma, allegatament, membri tal-moviment Der Harte Kern u spiċċaw arrestati waqt rejds li saru lejn l-aħħar tal-ġimgħa l-oħra.

Intant, il-midja Ġermaniża qalet li raġel ieħor, mifhum bħala ‘membru ta’ dan il-grupp’ kien għadu mfittex mill-pulizija.

L-appoġġ għall-entitajiet estremisti tal-lemin, fl-aħħar xhur, ħa spinta kbira ’l quddiem fil-Ġermanja u b’mod partikulari fl-ibnadi tal-lvant eks komunisti. L-awtoritajiet sadattant żiedu l-azzjonijiet kontra l-estremisti wara l-qtil tal-politiku Walter Luebcke u l-attakk tas-sena l-oħra fuq sinagoga fil-belt ta’ Halle.

L-aħħar rapporti kkonfermaw li erba’ irġiel, kollha ċittadini Ġermaniżi, kienu arrestati, il-ġimgħa l-oħra fuq suspett li ffurmaw id-Der Harte Kern. It-tmien arrestati l-oħra huma suspettati li pprovdew lill-grupp bi flus, armamenti u tipi oħra ta’ appoġġ.

Qed jingħad li dawn l-irġiel kienu ltaqgħu permezz tal-WhatsApp (is-servizz għall-messaġġi) u ddeċidew biex jorganizzaw l-organizzazzjoni f’Settembru li għadda. Xi rapporti qalu wkoll li d-Der Harte Kern għandu konnessjoni mas-‘Suldati ta’ Odin’ – grupp estremista ieħor tal-lemin li twaqqaf ħames snin ilu fil-Finlandja.

L-allegat kap tal-grupp Ġermaniż – raġel ta’ 53 sena magħruf bħala Werner S – kien magħruf mal-awtoritajiet bħala residenti fil-belt ta’ Augsburg.

Qed ikun allegat li Werner S, il-ġimgħa l-oħra, iltaqa’ mal-membri l-oħra tad-Der Harte Kern u ddiskuta magħhom il-pjani għal għaxar attakki separati fil-Ġermanja. Hu allegat ukoll li wieħed mill-pjani kien jinvolvi ‘tħejjija għal massakri’ fil-moskej tal-pajjiż, simili għal dawk li twettqu s-sena l-oħra fi New Zealand.

Ir-rapporti qalu li dawn l-estremsiti kienu qed jittamaw li, bl-azzjonijiet tagħhom, jipprovokaw il-kontra-attakki u, maż-żmien, ‘gwerra ċivili’ fil-Ġermanja.

Il-midja Ġermaniża qed tgħid li l-investigaturi saru jafu ‘bil-kumplotti’ mingħand persuna li infiltrat il-grupp tal-estremisti – bl-awtoritajiet, waqt ir-rejds sussegwenti, isibu l-armi tan-nar flimkien ma’ materjal li kapaċi jintuża fil-produzzjoni ta’ bombi.

Il-Qorti Federali tal-Ġustsizzja – l-ogħla qorti kriminali fil-Ġermanja – ordnat biex l-estremisti jinżammu taħt arrest għaż-żmien kollu li ddum għaddejja l-investigazzjoni.