Lokali

L-ebda każ ta’ Coronavirus f’Malta

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista għandha fiduċja fil-ħidma tal-esperti Maltin kontra l-Corona Virus.

Dan kien il-messaġġ tal-kelliema tal-Oppożizzjoni waqt Stqarrija Ministerjali fil-Parlament, fejn ingħataw l-aħħar dettalji dwar dan il-virus.

Filwaqt li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri esprima s-sodisfazzjon tiegħu li pajjiżna hu attrezzat kif suppost għal kull eventwalità, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Mario Galea fakkar kif anke fl-2009 – fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista – il-gvern kien diġà ħadem sew qrib l-istess esperti meta faqqa’ il-virus H1N1, magħruf aħjar bħala l-iSwine Flu.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius appella biex issir kampanja informattiva fl-Iskejjel u fost dawk l-aktar f’riskju għal dan il-virus. U l-Kelliema tal-Oppożizzjoni Maria Deguara staqsiet jekk jeżistux biżżejjed vaċċini ta’ emerġenza, f’każ li l-Corona Virus joqot pajjiżna. Dan filwaqt li l-Parlament għandu jkun infurmat min ikun qed jissupplixxi dawn il-vaċċini.

Fit-tweġiba tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li s’issa għad m’hawnx każijiet ta’ persuni milquta minn dan il-virus. Madankollu, hemm żewġ adulti li bħalissa qed jinżammu fi kwarantina, għalkemm ma urew l-ebda sinjal li huma infettati.

Dwar dawn, NET News jista’ jikkonferma li ż-żewġ adulti Maltin kienu abbord il-cruiseliner Westerdam u rritornaw pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa. Mill-informazzjoni li għandu dan l-istazzjon jirriżulta li l-koppja tinsab f’darha, b’għassa minn Uffiċjali tal-Pulizija, bħala prekawzjoni.

Il-Ministru Fearne kompla li fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u fil-Cruiseliner Passenger Terminal, qed isir proċess ta’ screening, speċjalment fuq passiġġieri li jkunu ġejjin minn pajjiżi milquta.

Min-naħa l-oħra, l-Isptar Mater Dei u anke ċ-Ċentri tas-Saħħa ġew mgħammra bi kmamar apposta biex pazjenti milquta jkunu jistgħu jiġu iżolati ħalli l-virus ma jinxteridx.

Dwar il-vaċċin, hu spjega li dan s’issa ma jeżistix u mistenni jkun disponibbli madwar sena jew sena u nofs oħra sakemm isiru t-testijiet meħtieġa … bil-lest biex jingħata fix-xitwa li ġejja ħalli jilqa’ għall-istaġjonalità tal-virus.Filwaqt li qal li l-Gvern Malti jinsab f’kuntatt kontinwu mal-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali, il-Ministru Fearne qal li l-informazzjoni li qed tingħata tinkludi l-istess pariri bażiċi li tingħata għall-influwenza staġjonali.