Internazzjonali

L-UE: Ir-Renju Unit imwissi dwar negozjati ‘diffiċli’ rigward il-kummerċ

Franza qed twissi lir-Renju Unit biex jistenna ‘battalja diffiċli’ mal-Unjoni Ewropea ladarba jirrankaw in-negozjati dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali futuri ta’ wara l-Brexit.

Il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin, Jean-Yves Le Drian, bassar li n-naħat involuti ‘se jweġġgħu’ fin-negozjati li jmiss meta naħa se tkun qed tipprova tieħu vantaġġ fuq l-oħra matul it-taħditiet li ġejjin.

Le Drian sostna wkoll li se jkun diffiċli għar-Renju Unit biex jilħaq l-għan ta’ ftehim għall-kummerċ ħieles mal-UE sal-aħħar tas-sena.

Dan meta l-Gvern tar-Renju Unit qed jgħid li jrid ftehim ibbażat ‘fuq il-kooperazzjoni u sens ta’ ħbiberija bejn żewġ entitajiet Sovrani tal-istess livell’.

David Frost, in-negozjatur ewlieni tal-Gvern Britanniku dwar il-Brexit, mistenni jħabbar li r-Renju Unit ‘għandu jkun kuntent bi ftehim kummerċjali bbażat fuq dak li kien sar fl-2016 bejn l-UE u l-Kanada’. Intant, ir-Renju Unit għandu jwarrab kull forma ta’ allineament regolatorju mal-Unjoni mill-2021 ’il quddiem.

Ir-Renju Unit spiċċa formalment mill-UE ġimagħtejn ilu, iżda għadu jmexxi l-kummerċ bħala Stat membru taħt perjodu ta’ transizzjoni li għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru.

It-taħditiet dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn Londra u l-UE jibdew ix-xahar id-dieħel u ladarba s-27 Stat-membru tal-Unjoni jaqblu dwar il-‘mandat għan-negozjati’ mar-Renju Unit.

Sadanittant, il-Ministru Jean-Yves Le Drian għamilha ċara li r-Renju Unit u l-UE jinsabu ’l bogħod minn xulxin rigward numru ta’ kwistjonijiet.