Kummerċ Lokali

Regolamenti li se jgħabbu lill-operaturi tat-trailers bi spejjeż qawwija

Kumpaniji tat-trailers jinsabu mħassba hekk kif regolamenti ġodda marbuta mat-trasport se  jagħtu daqqa ta’ ħarta kbira lilhom, u eventwalment se jħallu impatt negattiv qawwi fuq il-prezzijiet tal-merkanzija.

Operaturi ta’ trailers f’pajjiżna ltaqgħu mal-Ministru Ian Borg hekk kif jinsabu inkwetati dwar liġijiet ġodda li se jissarfu f’żieda qawwija fl-ispejjeż.

Ir-regolamenti jitolbu li l-makkinarju li jiġbed it-trailer, u li fil-qasam  jirreferu għalih bħala ż-żiemel, jirritorna fil-pajjiż fejn hu rreġistrat tal-anqas darba kull tmien ġingħat. Dan ifisser li fil-każ ta’ pajjiżna, iż-żiemel li jitħalla, per ezepmpju fl-Italja, biex jintuża fit-trasport ta’ merkanżija, ikun irid jinġieb lura pajjiżna mingħajr tgħabija, mentri żiemel ieħor ikollu jittella biex jintuża minfloku.  Fi ftit kliem, l-operatur ikollu jinvesti f’aktar makkinarju u f’pagi doppji għall-burdnara li jkollhom isuqu dan il-makkinarju.

Naturalment, dawn l-ispejjeż ikollhom jiġu riflessi fil-prezz tat-trasport tal-merkanzija, li eventwalment jissarraf fil-prezz tal-prodott fuq l-ixkfaf tal-ħwienet, wara li l-aġent ikun ħallas prezz ogħla biex il-prodott jasal għandu.

Staqsejna lill-Ministru Ian Borg li huwa  responsabbli għal Transport Malta, x’se jagħmel il-Gvern jekk pajjiżna jibqa’ ma jiksibx ftehim differenti – u jispiċċa jbati minn żidiet qawwija fil-prezzijiet riżultat ta’ dan, iżda l-Ministru qalilna li dawn il-liġijiet huma diġà deċiżi,  u ma weġibx dwar x’se jkun qed jagħmel il-Gvern jekk l-operaturi ikollhom dawn il-liġijiet imposti fuqhom.

Jidher li mhux se jkun faċli għal pajjiżna li jinnegozja regolamenti differenti skont il-bżonnijiet tagħn.