Internazzjonali

Renju Unit: Tibqa’ it-theddida tal-għargħar minn ‘Storm Dennis’

Il-komunitajiet fir-Renju Unit iffaċċjaw jum ieħor ta’ għargħar u sitwazzjonijiet kaotiċi għall-ivvjaġġar dovuti għall-ħalbiet tax-xita u l-irwiefen mill-Maltempata (Storm) ‘Dennis’. Dan meta ’l fuq minn 300 twissija dwar l-għargħar baqgħu effettivi madwar il-pajjiż, bit-theddida tkun partikularment gravi għal zoni partikulari tal-Ingilterra.

Kien mistenni li l-livelli tax-xmajjar fiz-zoni milqutin mill-għargħar jitilgħu aktar, bl-awtoritajiet jibqgħu viġilanti u bl-evakwazzjonijiet ġodda tan-nies mill-inħawi qed jidhru imminenti. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-Ambjent, George Eustice, iddefenda r-reazzjoni tal-Gvern u qal li ‘ma jistax jipproteġi lid-djar kollha mill-għargħar’.

Intant, jaħsbu li mara mietet fl-għargħar li ħakem l-inħawi qrib Tenbury Wells, f’Worcestershire, bir-residenti tal-post ikunu evakwati bid-dgħajsa matul il-lejl tal-Ħadd. L-iskala tal-għargħar f’dawk l-inħawi kienet imfissra bħala waħda bla precedent.

Dan meta l-ivvjaġġar kompla jaħbat mal-intoppi madwar ir-Renju Unit, fost l-għeluq tat-toroq fi Staffordshire u Nottinghamshire (fl-Ingilterra) kif ukoll f’Wales u partijiet tal-Iskozja.