Lokali Qorti

Seduta taħraq tal-inkjesta pubblika; Il-Kap Komunikazzjoni tal-OPM b’xhieda kontroversjali

Bħalissa fil-Qorti qed tkompli l-inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Bħalissa fil-Qorti qed tkompli l-inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Illum jixhdu Matthew Carbone, Kap tal-Komunikazzjon fl-Uffiċju tal-Prim Ministru u Josef Caruana, ukoll impjegat f’Kastilja fi żmien li Joseph Muscat kien Prim Ministru.

Matthew Carbone jirriffjuta li jikxef l-identità ta’ dawk li żammew lill-ġurnalisti maqfula

Carbone jgħid li sa ftit xhur ilu ma kienx jaf min hu Yorgen Fenech.

Fenech żar Kastilja talanqas 26 darba fl-aħħar snin.

F’temp ta’ żewġ minuti, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Uffiċju tal-Prim Ministru Matthew Carabone jibdel il-verżjoni tal-fatti.

Il-bord tal-inkjesta qed jistaqsi lil Carbone min kienu l-irġiel li għalqu lill-ġurnalisti f’sala f’Kastilja wara l-konferenza tal-aħbarijiet li saret fit-tlieta ta’ filgħodu f’Diċembru li għadda.

Matthew Carbone jgħid li l-ġurnalisti ma nqaflux ġewwa.

F’nifs wieħed, Carbone jgħid li ma jridx jgħid min huma, u minuta wara jgħid li ma JAFX min huma.

L-avukati tal-Familja Caruana Galizia, Therese Comodini Cachia u l-membri tal-Bord ikomplu jippressaw lil Carbone biex iwieġeb.

Jason Azzopardi jinsisti li Carbone jsemmi lill-irġiel

Jason Azzopardi jindirizza lil Carbone. Isemmi lil Mark Cauchi u lil Ronnie Vella. Jghid lil Carbone li lil dawn jafhom żgur.

Fl-aħħar Carbone qed isemmi xi ismijiet. Isemmi lil Joseph Scerri, lil Reuben Sciberras, Nikhail Spiteri, Jason Bonnici, Nigel Vella u ċertu wieħed Lionel.

Kif itemm ix-xhieda tiegħu Matthew Carbone, l-Avukat tal-Familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi, jistaqsi lill-Bord biex jitlob kopja tal-minuti ta’ laqgħa li saret f’pajjiż barra minn Malta, b’refernza għal laqgħa sigrieta ta’ l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma’ uffiċjali tal-Gvern tla-Ażerbajġan.

Corinne Vella tippreżenta rapport estensiv dwar Josef Caruana u Neville Gafà

Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia, tippreżenta lill-Qorti rapport dwar Josef Caruana u Neville Gafà – it-tnejn għandhom jixhdu llum.

Vella tgħid li dawn iż-żewġ persunim – li t-tnejn kienu impjegati f’Kastilja – kienu jattakkaw lill-oħtha b’mod assidwu u kontinwu.

Turi ritratt ta’ Daphne Caruana Galizia li Neville Gafà tella fuq il-media soċjali jum biss qabel ma ġiet assassinata u tirreferi għalih bħala ‘stalking’.

Jixhed Matthew Caruana Galizia

Iben il-ġurnalisti assassinata jgħid li l-Blog ta’ Glen Beddingfield beda jkun attiv propju meta l-ġurnalisti bdew jitkellmu dwar il-Panama Papers.

Jitkellem dwar programm li kien jippreżenta Beddingfield, illum whip tal-Gvern Laburista, flimkien ma’ Luke Dalli, iben l-MEP Helena Dalli. Jgħid li l-programm kien biss tkomplija tal-kampanja ta’ intimidazzjoni kontra ommu.

Jgħid li Beddingfield tella’ video li kien juri lil ommu dieħla f’karozza tal-kiri, u li fil-video kienu jidhru ċar il-pjanċi tal-karozza.

Fil-Blog tiegħu, Beddingfield isemmi il-Bidnija – il-post fejn kienet toqgħod Daphne Caruana Galizia – aktar minn 150 darba.

Ix-xhieda ta’ Neville Gafà posposta għal nhar l-Erbgħa

Neville Gafà jissejjaħ biex jixhed, iżda jgħidulu li x-xhieda tiegħu se tinstema’ nhar l-Erbgħa li ġej.

Jixhed Josef Caruana

Caruana kien editur tal-Orizzont u impjegat f’Kastilja.

Il-Bord qed jistaqsi lil Caruana dwar kitbiet tiegħu fejn attakka lil Daphne Caruana Galizia, kemm qabel kif ukoll wara l-assassinju tagħha.

Caruana jwieġeb li ma jiftakarx li kitibhom.

Ma jiftakarx lanqas li qatt ra lil Yorgen Fenech f’Kastilja.

Lanqas ma jaf x’kien xogħol Neville Gafà f’Kastilja.

Mistoqsi għalfejn kien jixxerja posts jew tweets dispreġġjattivi, Caruana jgħid li hu mhux uffiċjal taċ-ċivil imma position of trust.

Jason Azzopardi jistaqsi lil Caruana dwar meta l-istess Caruana kien il-mistieden ta’ Saviour Balzan fuq Xtra u kkwota rapport tal-FIAU. L-avukta tal-Familja Caruana Galizia jistaqsi minn fejn ġab ir-rapport. Caruana jwieġeb “is-sorsi tiegħi”.

Is-smigħ jintemm hawn għall-lum, u ġie aġġornat għall-Erbgħa fis-sagħtejn.