Wara tfittxija li saret f’residenza f’Buġibba ġew arrestati Bulgaru ta’ 31 sena u Ukren ta’ 29 sena.
L-arresti seħħew wara li lbieraħ, għall-ħabta tal-5am, fl-għassa tal-Qawra kienu daħlu żewġt irġiel barranin, b’wieħed minnhom bid-demm ħiereġ minn wiċċu u minn rasu, fejn allegaw li kienu ġew aggrediti u attakkati b’oġġett.
L-aggressjoni allegatament seħħet minn xi persuni fi Triq il-Kavetta, f’Buġibba stess.
Il-Pulizija sejħu minnufih għall-ambulanza, waqt li wieħed mill-irġiel, dak il-ħin waqa’ fl-art u intilef minn sensih. Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Ir-raġel l-ieħor, li għandu 28 sena, u li n-nazzjonalità tiegħu għadha mhix magħrufa, ukoll ittieħed l-isptar, iżda ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura ħafifa. Minnufih bdiet tfittxija għall-allegati aggressuri li ġew arrestati llum.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija f’dan il-każ għadhom għaddejjin u qed jitmexxew millPulizija mill-Għassa tal-Qawra.
//= $special ?>