Lokali

X’inhi l-opinjoni ta’ Rosianne Cutajar dwar l-abort?

Fost ir-riformi li Gvern Laburista jrid jagħmel f’Malta, u li s-Soċjalisti pproponew fl-Ewropa, fl-aħħar snin dejjem baqa’ jitla’ s-suġġett tal-abort, wieħed li ħoloq kontroversja kbira f’Malta b’eluf jiddikjaraw li huma kontra dan il-qtil.

Il-persuna inkarigata mir-Riformi tal-Gvern hi s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar, li fl-aħħar snin ma ddejqet xejn tgħid x’inhi l-opinjoni tagħha fuq diversi suġġetti kontroversjali … kemm fil-pubbliku u anke fuq il-media soċjali.

Madanakollu, issa, Rosianne Cutajar qed taħrab milli twieġeb mistoqsijiet diretti dwar l-opinjoni tagħha fuq l-abort.

Il-manifest tas-Soċjalisti Ewropej li tagħhom jifforma parti l-Partit Laburista fil-passat tkellem b’mod ċar li jridu jimponu l-abort fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Minħabba l-fatt li r-Riformi tal-Gvern Laburista jaqgħu direttament f’idejn Cutajar, erġajna staqsejna iżda bqajna mingħajr risposta.

Ħafna qed jistaqsu jekk Rosianne Cutajar hix se tkun qed tagħmel pressjoni biex riformi kontroversjali bħal tal-abort jidħlu fis-seħħ.

Iżda sal-lum, ħadd għadu ma jaf il-pożizzjoni tas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi dwar l-abort.

Filwaqt li s-Soċjalisti, inklużi dawk tal-Partit Laburista kienu vvutaw 16-il darba fil-Parlament Ewropew favur l-abort fl-aħħar sentejn, il-Partit Nazzjonalista dejjem baqa’ jiddikjara b’mod apert li hu favur il-ħajja u kontra l-abort.