Futbol Sport

Atletico Madrid jirbħu kontra Liverpool bi prestazzjoni tipika tagħhom

(Ritratt: UEFA Champions League)

Gowl kmieni spiċċa biex kien id-differenza bejn Atletico Madrid u Liverpool, bit-tim Spanjol jikseb vantaġġ minimu ta’ 1-0 fil-Wanda Metropolitano. Dan kien l-istess stadium li fl-1 ta’ Ġunju li għadda, Liverpool saru Champions tal-Ewropa għas-sitt darba.

Għalkemm kellhom il-maġġoranza assoluta tal-pussess tal-ballun, it-tim ta’ Jurgen Klopp spiċċa l-logħba mingħajr ebda xutt fil-lasta. Il-prestazzjoni ta’ Atletico kienet tipika tagħhom taħt it-tmexxija ta’ Diego Simeone, b’difiża soda u plejers li jissieltu għal kull ballun.

Il-gowl uniku wasal wara biss erba’ minuti, b’korner mil-lemin ta’ Koke jaħbat ma’ sieq Fabinho u spiċċa fid-direzzjoni ta’ Saul Niguez li mill-viċin għeleb lil Alisson Becker. Fis-26 minuta l-gowlkiper ta’ Liverpool spikka meta salva xutt fil-baxx ta’ Alvaro Morata. Mohamed Salah resaq qrib id-draw fit-53 minuta b’daqqa ta’ ras li għaddiet ftit barra.

Renan Lodi resaq qrib it-tieni gowl ta’ Atletico, b’xutt mid-distanza fil-71 minuta li għadda ftit barra. Fuq in-naħa l-oħra, konklużjoni mill-ewwel ta’ Jordan Henderson ukoll intemmet ftit barra mil-lasta ta’ Jan Oblak. Il-partita ta’ ritorn tintlagħab fil-11 ta’ Marzu f’Anfield.