Lokali Parlament

Baqa’ ħafna iktar x’joħroġ

– Jason Azzopardi, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li għad fadal ħafna x’joħroġ fl-inkjesta dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fil-parlament Jason Azzopardi qal li għandu jinqata’ l-paroli fil-vojt għaliex din il-liġi mhux se ssolvi l-problemi. Dan hu qerq tal-gvern, sostna Jason Azzopardi, li sfida lill-gvern biex iressaq il-proposta tal-gvern u tal-Oppożizzjoni quddiem il-Kummissjoni Venezja biex din tgħid liema hi l-aħjar proposta. Hu qal li l-prim ministru se jibqgħalu l-poter li jappunta u jneħħi lill-Kummissarju tal-Pulizija

L-ex Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ma għamel
l-ebda investigazzjoni dwar il-kriminalità fil-pajjiż

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-affarijiet mhux se jinbidlu għall-aħjar; ħlief fl-apparenza. Dan hu abbozz ta’ liġi li se jidħaq bin-nies. Il-maġġoranza tal-membri fil-PSC jaħtarhom il-gvern, sostna Jason Azzopardi, li qal li mhux veru li d-deputati se jivvutaw fuq l-aħjar għażla għaliex il-prim ministru se jżomm il-veto dwar liema isem jgħaddi lill-kumitat parlamentari fejn il-gvern għandu maġġoranza.

Jason Azzopardi kompla li l-Professur Kevin Aquilina u l-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello kkritikaw dan l-abbozz u l-mudell għal diversi raġunijiet. Hemm ukoll problema dwar kif jitneħħa l-kummissarju tal-pulizija; apparti li l-mod kif se jinħatar hu daħk fil-wiċċ. Hu qal li Joseph Muscat ipprova anki jixtri lill-ex Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo billi offrielu li jitpoġġa fejn xtaq hu basta jirriżenja mill-kariga fl-2013.

Joseph Muscat kien insista li John Rizzo jirriżenja minn Kummissarju tal-Pulizija

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Kummissjoni Venezja ma tridx il-mudell li qed jipproponi l-prim ministru Robert Abela. Il-proposta tal-Oppożizzjoni tgħid li l-ħatra u t-tneħħija tal-kummissarju tal-pulizija tkun taż-żewġ terzi tal-parlament; l-istess bħall-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman. Fil-pajjiż hawn sens ta’ impunità; bil-korruzzjoni hemm pulizija li daħlu €7,000 fix-xahar waqt li oħrajn ipperikolaw ħajjithom.

Jason Azzopardi qal li s-sitwazzjoni waslet f’livell li l-ex uffiċjal tal-Pulizija Silvio Valletta kien qed jgħaddi informazzjoni lill-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia. Anki n-New York Times iddedikat artiklu dwar is-sitwazzjoni gravi fil-Korp tal-Pulizija.

Hu tkellem dwar il-korruzzjoni fit-Taqsima tat-Traffiku u qal li dan il-każ beda wara li tkellem whistleblower iżda l-gvern ma għamel xejn sakemm hu tella’ l-informazzjoni fuq facebook. Il-pulizija raqet fuq dawn ir-rapporti, sostna Jason Azzopardi, li kompla li fil-korp tal-pulizija hemm terremot; li beda meta l-gvern neħħa r-rekwiżit li min jidħol fil-korp tal-pulizija m’għandux għalxiex ikollu l-kondotta nadifa.

Jason Azzopardi qal li l-ex uffiċjal tal-pulizija Mario Tonna ngħata żewġ promozzjonijiet mill-gvern Laburista wara li kien instab ħati mill-qorti li kien hedded lis-superjuri tiegħu. Dan ir-riżultat li qed jagħti l-gvern Laburista, b’Robert Abela preżenti.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fejn instema’ li Keith Schembri kien inkwetat li se jinqabad il-qattiel, li Schembri kien ċempel kuljum lil Yorgen Fenech anki fit-3am, li l-gvern kien ippanikjat bl-informazzjoni li kienet ħierġa dwar il-qtil, li min qatilha kellu informazzjoni biex setgħu jwaqqgħu l-gvern, li Keith Schembri u Yorgen Fenech kienu lesti joħorġu €2 miljuni biex jagħlqu ħalqu Daphne u jixtru l-Malta Independent fl-2016 u li Keith Schembri u żgur Joseph Muscat kienu jafu bl-involviment ta’ Fenech fil-qtil.

Ir-ritratt meħud f’Kastilja bejn Keith Schembri u Melvin Theuma

Hu stabbilit ukoll li Fenech kien ikellem lill-ex uffiċjal tal-pulizija Silvio Valletta regolarment u jtih l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni, li kien l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li ordna li jkun briefed fuq l-investigazzjonijiet, li Keith Schembri kien – bi ksur tal-liġi – qed jgħaddi informazzjoni sigrieta lil terzi persuni, li Joseph Muscat kien jaf b’dan u għad ikun magħruf li dan kollu jikkuntrasta bil-kbir mad-dettalji dwar kif Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi huma involuti fil-windfarms fil-Montenegro.

Se jixxukkjaw in-nies meta jsiru jafu għaliex Muscat sejjaħ elezzjoni bikrija sena qabel fl-2017; ‘Ix-xiħ’ kien inkwetat u kellu għalxiex jinkwieta u kienu indannati b’Daphne Caruana Galizia.

Jason Azzopardi qal li Joseph Muscat kien juża l-emails privati tiegħu għal xogħol tal-gvern għax b’hekk jistgħu jinteħħew kull traċċi. Hu sfida lil Robert Abela biex issir liġi li jkun reat li uffiċjal pubbliku juża l-emails għal xogħol tal-gvern. Fit-tielet ġimgħa ta’ Jannar qarib tal-familja ta’ Yorgen Fenech qalet ċertu kliem lil Joseph Muscat. X’kien jaf iktar u x’jafu fuq Joseph Muscat? staqsa Jason Azzopardi.

Hu qal li l-uffiċjal ta’ Kastilja Matthew Carbone gideb diversi drabi dwar dak li seħħ meta l-ġurnalisti kienu miżmuma f’kamra f’Kastilja. Din il-liġi qed ittenni l-impunità għaliex il-poter kif jitneħħa l-kummissarju se jibqa’ f’idejn il-prim ministru.