Internazzjonali Lokali

CORONAVIRUS: Malti ieħor maqbud fuq l-MV Westerdam; Amerikana li kienet abbord għandha l-virus

Wara li nhar il-Ġimgħa, koppja Maltija li kienet inqabdet fuq l-MV Westerdam tħalliet tinżel minn abbord u rritornat lura Malta, issa sar magħruf li raġel Malti ta’ 88 sena għadu maqbud fuq l-istess vapur.

Skont it-Times of Malta, ir-raġel, li ismu mhux jixxandar, jinsab tajjeb u b’morale għoli. Madankollu hu ma jistax jinżel minn fuq il-vapur tal-linja Holland America, li jinsab maqbud fil-Kambodja.

Filfatt jidher li r-raġel hu wieħed min 233 passiġġier li nżammu fuq il-vapur minkejja li l-kumplament tal-passiġġieri tniżżlu l-ġimgħa li għaddiet. Abbord il-vapur kien hemm 1,455 passiġġier u 802 membri tal-ekwipaġġ – total ta’ 2,257 persuna.

Minkejja li l-vapur ma kienx tħalla jidħol f’diversi pajjiżi minħabba l-biża li abbord kien hemm persuni infettati bil-virus, jidher li dawk li tħallew jinżlu issa tferrxu madwar id-dinja u ħafna minnhom ma ġewx iċċekkjati jew imwaqqfa mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi oħra.

Iżda, rapporti fil-media internazzjonali issa qed jgħidu li minkejja li l-passiġġieri tħallew jinżlu u jivvjaġġaw wara li żbarkaw minn fuq il-vapur, mara Amerikana li kienet hi wkoll passiġġiera fuq il-Westerdam u twaqqfet fl-ajruport ta’ Kuala Lumpur fil-Malasja wara li għaddiet mit-thermal scanners, aktar tard irriżultat li kienet infettata bil-Coronavirus.

Il-kumplament tal-passiġġiera li baqgħu maqbuda fuq il-Westerdam għadhom ma jafux meta se jkunu jistgħu jinżlu minn fuq il-vapur biex jirritornaw lura lejn il-pajjiżi rispettivi tagħhom.