Futbol Sport

Darren Abdilla jitkeċċa minn kowċ ta’ Valletta wara t-telfa kontra Birkirkara

(Ritratt: Trevor Sollars)

L-esperjenza ta’ Darren Abdilla bħala kowċ ta’ Valletta damet biss ftit xhur wara li tkeċċa mill-kariga. Deċiżiva għal Abdilla jidher li kienet it-telfa umiljanti ta’ 4-1 li Valletta ġarrbu kontra Birkirkara l-Ħadd li għadda. Abdilla sar kowċ ta’ Valletta f’Mejju li għadda u ffirma kuntratt ta’ tliet snin. Fl-ewwel avventura Ewropea mal-klabb, Valletta għaddew għat-tielet rawnd ta’ kompetizzjoni Ewropea għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb.

Hu mexxa lil Valletta għar-rebħ tas-Super Cup f’Diċembru li għadda, unur maġġuri li kien l-ewwel wieħed għalih fil-karriera. Fil-kampjonat, Valletta jinsabu fil-quċċata b’35 punt flimkien ma’ Floriana, b’Valletta jinsabu wkoll mal-aħħar tmienja tal-FA Trophy. Aktar minn hekk, Abdilla ta aktar spazju fit-tim liż-żgħażagħ Nicholas Pulis u Shaun Dimech, b’Jean Borg li issa hu meqjus bħala wieħed mill-plejers regolari fit-tim.

Dan hu t-tielet staġun konsekuttiv li Valletta bidlu l-kowċ waqt l-istaġun. Fl-istaġun 2017/18, Danilo Doncic ħa post Zoran Popovic f’Diċembru tal-2017 u f’April tal-istaġun li għadda, Gilbert Agius mexxa lit-tim fl-aħħar logħbiet wara t-tneħħija ta’ Doncic. Fost il-favoriti li jkun is-suċċessur ta’ Abdilla, hemm il-kowċ Taljan Giovanni Tedesco, li f’pajjiżna mexxa lil Floriana, Birkirkara, Ħamrun Spartans u Gżira United.