Eluf ta’ studenti mistennija jirċievu fuljett edukattiv dwar l-ewro li sar mill-Bank Ċentrali ta’ Malta f’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Kurrikulu.
Apparti li l-ewro hija l-munita ta’ Malta, hija wkoll il-munita ta’ 18-il pajjiż ieħor Ewropew li huma membri tal-Unjoni Ewropea. Peress li hemm numru ta’ studenti barranin ġejjin minn barra ż-żona ewro li jattendu l-Iskejjel tal-Istat, ilu jinħass il-bżonn ta’ għodda edukattiva li tgħin lill-istudenti jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ din il-munita.
Għalhekk dan il-fuljett mistenni jwassal il-messaġġ tiegħu bl-użu ta’ lingwaġġ sempliċi mgħejjun minn viżwali ċari. Dan se jgħin lill-istudenti jidentifikaw il-karti tal-flus tal-ewro ġenwini u anke l-karatteristiċi fuq il-muniti billi jiffoka fuq it-tliet karatteristiċi ewlenin tas-sigurtà identifikati permezz tal-metodu feel, cool and tilt.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-fuljett li saret fil-Kulleġġ Marija Reġina fin-Naxxar, Jesmond Gatt, iċ-Chief Officer għall-Banking Operations fil-Bank Ċentrali ta’ Malta qal li l-Bank Ċentrali huwa konxju ħafna tal-irwol importanti tal-flus kontanti fis-soċjetà taghna.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali fid-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim tul il-Ħajja Stephen Cachia, irringrazzja lill-Bank Ċentrali għal din l-inizjattiva, li se tghin b’mod specifiku lil studenti barranin.
//= $special ?>