Futbol Sport

Haaland jagħti vantaġġ minimu lil Borussia Dortmund

(Ritratt: UEFA Champions League)

L-attakkant Norveġiż Erling Haaland kompla l-bidu mill-aqwa ma’ Borussia Dortmund meta skorja ż-żewġ gowls tat-tim tiegħu kontra Paris-Saint Germain fir-rebħa ta’ 2-1 fis-Signal Iduna Park fl-ewwel leg mill-fażi tal-aħħar 16. B’dawn iż-żewġ gowls, Haaland skorja 10 gowls f’seba’ logħbiet f’din l-edizzjoni filwaqt li sab ix-xibka 11-il darba f’seba’ logħbiet ma’ Borussia Dortmund, xi ħaġa li ħadd ma għamilha mat-tim mill-Bundesliga.

Borussia Dortmund fetħu l-iskor fid-69 minuta. Mill-kross fil-baxx ta’ Achraf Hakimi mil-lemin, ix-xutt ta’ Raphael Guerreiro ġie blokkat minn ERLING HAALAND li kien f’pożizzjoni regolari u mill-viċin għeleb lil Keylor Navas. Paris-Saint Germain ġabu d-draw kwarta mit-tmiem b’azzjoni personali mil-lemin ta’ Kylian Mbappe li daħal fil-kaxxa u xeħet kross fil-baxx lejn NEYMAR li għeleb lil Roman Burki mill-viċin.

Iżda l-gowl importanti barra minn darhom gawdewh biss għal ftit sekondi hekk kif Borussia Dortmund reġgħu marru fil-vantaġġ fl-attakk sussegwenti. Kienet azzjoni tajba tas-sostitut Giovanni Reyna li qassam lejn ERLING HAALAND li kkontrolla u b’xutt potenti minn barra l-kaxxa sammar il-ballun wara Navas.

Ikkummenta