Futbol Sport

Heung-Min Son b’ċans li jitlef il-kumplament tal-istaġun

(Ritratt: EPA)

L-attakkant ta’ Tottenham Hostpur Heung-Min Son mistenni jitlef diversi ġimgħat u possibbilment sa tmiem l-istaġun wara li sofra minn ksur f’idu l-leminija. Fil-konferenza stampa ta’ qabel il-logħba kontra Leipzig, il-manager ta’ Tottenham Josè Mourinho ma jinsabx ottimist li jista’ jirkupra qabel tmiem l-istaġun.

Hu weġġa’ kmieni fil-logħba tal-Ħadd li għadda kontra Aston Villa fi dwell fl-ewwel minuta ma’ Ezri Konsa. Minkejja dan, Son baqa’ jilgħab il-partita kollha u saħansitra skorja doppjetta fi tmiem ta’ kull taqsima, bil-gowl fl-94 minuta jfisser il-gowl tar-rebħa.

Il-Korean ta’ 27 sena hu wieħed mill-aktar plejers importanti fit-tim b’total ta’ 13-il gowl skorjat f’dan l-istaġun. Hu sar aktar punt ta’ riferiment wara li fil-bidu tas-sena weġġa’ l-captain Harry Kane. L-Ingliż ġie operat fil-hamstring u mistenni jirritorna għat-taħriġ f’April.

Tottenham għandhom ġimgħa importanti quddiemhom. Illum jilagħbu kontra Leipzig fl-ewwel logħba mill-aħħar 16 tal-UEFA Champions League, imbagħad is-Sibt jilagħbu fi Stamford Bridge kontra Chelsea. Fil-preżent, Tottenham jinsabu fil-ħames post fil-Premier League punt taħt l-istess Chelsea.