Internazzjonali

Il-Coronavirus: Indikazzjonijiet li l-morda u l-anzjani huma fl-akbar periklu ta’ infezzjoni

L-Uffiċjali tas-Saħħa fiċ-Ċina pubblikaw l-ewwel dettalji dwar aktar minn 44,000 każ tal-Coronavirus ġdid (Covid-19) fl-akbar studju relatat għall-infezzjonijiet mindu feġġet din l-epidemija f’Wuhan, fil-provinċja ta’ Hubei. Id-data miċ-Ċentru għall-Kontroll u Prevenzjoni tal-Mard fiċ-Ċina sabet li ‘il fuq minn 80 fil-mija ta’ każi tal-Coronavirus ma kenux daqstant qawwija u li l-anzjani u l-morda huma l-aktar nies f’periklu ta’ infezzjoni.

Sadanittant, ir-riċerka indikat l-element kbir ta’ sogru (ta’ infezzjoni) għall-membri tal-istaff mediku.  Dan meta direttur ta’ sptar fil-belt ta’ Wuhan, sigħat ilu, miet mill-effetti tal-Coronavirus. Liu Zhiming, kien id-direttur tal-Isptar ta’ Wuchang li jinsab ‘fl-epiċentru tal-virus’ minbarra li hu fost l-ogħla uffiċjali tas-saħħa li, s’issa, tilfu ħajtu mill-effetti tal-Covid-19. Intant, Hubei jibqa’ l-agħar provinċja affettwata fiċ-Ċina.

L-aħħar statistika uffiċjali miċ-Ċina kkonfermat li ċ-ċifra uffiċjali tal-mejtin mill-virus telgħet għal 1,868 – bil-pajjiż jirreġistra 72,436 każ ta’ infezzjoni. L-awtoritajiet Ċiniżi qalu wkoll li ‘il fuq minn 12,000 irkupraw mill-effetti tal-Covid-19.

L-istudju pubblikat fil-Ġurnal Ċiniż tal-Epidemjoloġija analizza l-għexieren ta’ eluf ta’ każi tal-Coronavirus mill-11 ta’ Frar madwar iċ-Ċina u fejn kien indikat li ‘4.7 fil-mija biss tal-każi kienu kritiċi’. Għalkemm ir-rata tal-fatalitajiet mill-Coronavirus għadha, ftit jew wisq, baxxa, ir-rata tidher li togħla fost il-pazjenti ta’ 80 sena jew aktar.

Filwaqt li l-osservaturi qed jaraw l-istudju bħala  l-aktar wieħed dettaljat tal-Coronavirus ‘fiċ-Ċina’, l-istampa tas-sitwazzjoni għadha mhix kompluta. U waqt li r-rapport jissuġġerixxi li l-epidemija laħqet l-eqqel tagħha lejn l-aħħar ta’ Jannar, għadu kmieni wisq biex wieħed jaċċerta dan l-aspett.

L-analiżi, fl-istess ħin, hi ta’ virus b’rata ta’ infezzjoni għolja u li kapaċi jinfirex malajr minkejja r-reazzjoni ‘aggressiva’ min-naħa taċ-Ċina. Għaldaqstant, l-iżviluppi tal-Covid19 għandhom iservu bħala twissija għall-kumplament tad-dinja.