Il-professjoni tal-counselling mhijiex tingħata l-attenzjoni li jixirqilha, bil-professjonisti nfushom mhumiex rikonoxxuti u wisq anqas apprezzati biżżejjed ta’ xogħolhom, partikolarment x’validità għandhom fis-soċjetà tal-lum.
Tkellem dwar dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Solidarjetà Soċjali u l-benesseri tal-Familja, Claudio Grech, fid-dibattitu parlamentari dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar il-professjoni tal-counselling.
Tant din il-professjoni vokazzjonali mhijiex apprezzata li l-counsellors fis-settur pubbliku qed jonqsu u qed jiġu assorbiti fis-settur privat, partikolarment bi prattika fil-komunità u fl-intrapriżi.
Għalhekk, id-deputat Nazzjonalista tenna l-appell tal-Oppożizzjoni lill-Gvern sabiex iġib fuq l-aġenda l-element ta’ rikonoxximent u identità lill-professjoni, mhux biss b’warrant li diġà għandha iżda billi jirrikonixxieha bin-nomenklatura tagħha fil-gradi tas-servizz pubbliku ukoll.
Grech iġġustifka dan l-argument billi saħaq li l-counsellors urew bi sħiħ li għollew l-istandards tagħhom, partikolarment fuq livell akkademiku hekk kif il-biċċa l-kbira tal-counsellors huma kkwalifikati b’masters u jħaddnu standards għoljin billi jirregolaw lilhom infushom b’qafas ta’ etika li waqqfet l-Assoċjazzjoni tal-Counsellors.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni qal li din il-professjoni baqgħet marbuta stortikament mal-iskejjel u l-istitutzzjonijiet edukattivi iżda xogħolhom f’ħafna aspetti jmur lil hinn mill-iskola tant li problemi familjari li jaffaċċjaw mhux biss jaffettwaw lill-istess ulied fil-familja fuq il-bank tal-iskola iżda anki lil sħabhom fil-klassi. Il-counsellors saħansitra jkunu minn ta’ quddiem fil-qasam soċjali ukoll biex jaffaċċjaw il-problemi personali tal-ħajja ta’ min jiġi bżonn l-għajnuna tagħhom.
Claudio Grech appella lill-Gvern biex jaddotta l-emendi li ressqet l-Oppożizzjoni lejn dan l-abbozz ta’ liġi, li l-għan tagħhom li jtejjbu l-proviżjonijiet u jiġu ċċarati xi punti, bħall-kwistjoni tas-superviżjoni sabiex jiġi kkunsidrat l-eżerċizzju professjonali tal-Assoċjazzjoni tal-Counsellors.
B’rabta tal-kompożizzjoni tal-Kunsill ta’ governanza, id-deputat Nazzjonalista appella biex l-Assoċjazzjoni tal-Counsillors ikollha rappreżentanza aktar dirett billi jkollha d-dritt li tinnomina membri fuq il-Kunsill. Dan fid-dawl li l-biċċa l-kbira tal-counsellors huma fil-kompitu tal-Assoċjazzjoni.
Minkejja dan, f’dan l-istadju, huwa saħaq li l-Oppożizzjoni se tivvota favur dan l-abbozz ta’ liġi għaliex il-kunsens fil-politika tfisser li ż-żewġ partijiet jaħdmu f’rispett billi jpoġġu l-interess komuni fuq il-mejda bil-għan aħħar li jġibu bidliet pożittivi li jtejjbu l-ħajjiet tan-nies.
//= $special ?>