Ekonomija Lokali

Il-Gvern falla milli jassigura l-fondi meħtieġa għall-proġett tal-pipeline tal-gass – PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, innota b’dispjaċir li l-Gvern Laburista għadu ma rnexxilux jassigura fondi għall-proġett tal-pipeline tal-gass, kif ilu jiftaħar li se jagħmel. Dan joħroġ minn rapport fil-ġurnal MaltaToday li żvela kif il-proposta tal-Gvern biex jikseb fondi mill-Unjoni Ewropea għall-proġett tal-pipeline tal-gass ġew skartati.

L-istqarrija maħruġa mill-Viċi Kap tal-PN David Agius tgħid illi sfortunatament, il-Gvern Laburista kien iktar moħħu biex jgħatti l-għawwar tal-Kabinett u nies fil-qalba, milli jiprepara ruħu biex jassigura l-fondi neċessarji għall-infrastruttura tal-pajjiż. 

“Il-Partit Nazzjonalista għandu informazzjoni li dan il-proġett ġie ttimbrat bħala immatur u preparat b’mod fqir, u kien għalhekk, u mhux biss għax il-prijoritajiet tal-Unjoni qed jinbidlu,  li l-Kummisjoni Ewropea eskludietu mil-listi tal-proġetti taħt is-CEF”.

Huwa wkoll essenzjali li ninnotaw li kif ikkwotat mill-Malta Today: ‘The new Commission’s appetite to finance gas projects may be changing, and might even de-prioritise the Malta pipeline to move fast on climate change targets’. Għal darb’oħra kellha tkun il-Kummissjoni Ewropea li tagħti raġun lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista fejn ilha tgħid li l-prioritajiet tal-Gvern huma żbaljati. Fil-fatt l-ebda mit-targets rilevanti għat-tnaqqis ta’ gassijiet serra u fl-enerġija rinnovabli, Malta ġiet minn tal-aħħar u ma laħqitx t-targets previsti b’marġinu kbir.

F’dan l-aspett l-Oppożizzjoni qegħda titlob li jiġi rispettat dak li kien maqbul fid-dikjarazzjoni ta’ ’emerġenza klimatika’ adottata mill-Parlament ftit xhur ilu: 

• Jinħadmu miżuri li jwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra malajr kemm jista’ jkun, speċjalment fis-setturi tat-trasport u l-enerġija

• Tingħata prijorità lill-ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva, mhux biss fuq l-art imma wkoll fuq il-baħar fejn huwa possibbli

• Jinbeda xogħol fuq l-installazzjoni ta’ interconnector ieħor indipendenti sabiex tiġi żgurata s-supply tal-elettriku bl-irħis fil-pajjiż. 

Nemmnu wkoll li għalkemm din d-darba l-Gvern falla, l-proġett tal-pipeline huwa proġett li llum huwa essenzjali għal pajjiżna u għandu jiġi implimentat.

Fid-dawl ta’ dan l-Oppożizzjoni tibqa’ toffri l-id tal-ħbiberija sabiex pajjiżna jikseb il-fondi neċċessarji għal proġetti ta’ fejda bħalma kien għamel il-Gvern Nazzjonalista li b’kollox ġab lejn Malta ‘l fuq minn €2 biljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea.