Lokali Parlament

Il-Gvern jerġa’ joġġezzjona li l-kuntratt ta’ Konrad Mizzi jkun diskuss fil-PAC

Il-Kontrollur Finanzjarju tal-MTA ma jaf xejn dwar il-€1 miljun mogħtija lill-kumpanija tal-ajru Visa Jet…il-kumpanija li taret lejn l-Ażerbajġan meta Malta ġie c-Chairman tal-Pilatus Bank

Il-membri tal-gvern fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) reġgħu oġġezzjonaw li l-Kumitat illum jiddiskuti l-kuntratt kontroversjali ta’ €80,000 lil l-Awtorità tat-Turiżmu (MTA) tat lil Konrad Mizzi wara li dan irriżenja minn Ministru tat-Turiżmu.

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield irrifera għar-ruling tal-Ispeaker li fih intqal li l-PAC jista’ jiddiksuti biss il-kontijiet attwali u mhux tal-estimi tal-MTA. Hu kkwota stqarrija tal-Gvern f’Jannar 2020 fejn intqal liil-kuntratt ta’ Konrad Mizzi jirrelata għall-kontijiet għas-sena 2019; liema kontijiet għadhom ma tpoġġewx fuq il-mejda tal-Kamra u għalhekk dawn ma jistgħux ikunu diskussi.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li l-Ispeaker appella għas-sens komun u qal li bi qbil jistgħu jsiru diskussjonijiet. Għalhekk m’għandux ikun hemm diffikultajiet li jsiru l-mistoqsijiet dwar il-kuntratt lil Konrad Mizzi. Hu staqsa jekk il-gvern għandux oġġezzjoni li jsiru mistoqsijiet dwaru.

Chris Said sostna li bi qbil l-kuntratt ta’ Konrad Mizzi seta’ jkun diskuss fil-PAC

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield wieġeb li l-membri tal-gvern jimxu mar-ruling tal-Ispeaker u li l-PAC jiddiskuti l-kontijiet tal-MTA għall-2018.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li qed jifhem li hemm oġġezzjoni għal dibattitu dwar kuntratt li l-MTA tat lill-ex ministru Konrad Mizzi; kuntratt ta’ €80,000.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li r-ruling appella għall-buon sens u li bi qbil li l-kuntratt ikun diskuss. Hu staqsa jekk hemmx dan il-qbil.

Beppe Fenech Adami qal li r-ruling tal-Ispeaker jagħmilha possibbli li ssir diskussjoni

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-gvern diġà ta l-kunsens għal din id-diskussjoni għaliex fl-aħħar laqgħa kienu ddikjaraw li kienu lesti jiddiskutu dak li seħħ fl-2018 u fl-2019.

Karol Aquilina jsostni li l-membri tal-gvern kienu diġà ddikarjaw li lesti jiddiskutu l-kuntratt iżda issa qed jirrifjutaw

Il-membri tal-gvern baqgħu joġġezzjonaw għalkemm il-Whip Laburista Glenn Bedingfield sostna li l-gvern qatt ma oġġezzjona għal dan id-dibattitu.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sostna li l-Ispeaker qal li bi ftehim jista’ jkun diskussi kollox iżda jidher li m’hemmx dan il-ftehim mill-gvern.

L-ewwel xhud fis-seduta kien il-Kontrollur Finanzjarju tal-MTA Bryan Azzopardi li qal li ma jafx kemm ingħataw konsulenzi fil-perjodu fl-2018 għalkemm jaf min huma l-konsulenti tal-Awtorità. Hu sostna li fl-2019 l-MTA irdoppjat il-ħlas għall-konsulenzi fl-ammont ta’ €160,000.

Bryan Azzopardi xehed dwar in-numru ta’ rotot fejn Chris Said irrimarka u talab spjega dwar il-fatt li mill-2018 għall-2019 kien hemm qabża ta’ infieq mill-gvern fl-ammont ta’ €25 miljun f’żieda ta’ 12-il rotta biss.

Dwar l-events, jirriżulta li fl-2015 kienu €1.7, fl-2016 u fl-2017 kienu €2 miljuni li telgħu għal €6 miljuni fl-2018. Azzopardi qal li l-kalendarju tal-avvenimenti organizzati f’Malta żiedu f’attività kull ġimgħa.

Hu semma’ d-diversi avvenimenti u ta dettalji dwar l-infieq u l-organizzaturi. Il-Fireworks Festival torganizzah l-MTA waqt li l-Isle of MTV jkun kummissjonat.

L-Isle of MTV; wieħed mill-avvenimenti ewlenin Fuq il-Fosos tal-Floriana

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa dwar il-marketing ta’ €1 miljun li l-MTA tat lill-Vista Jet, il-Kontrollur Finanzjarju qal li hu ma kellux kopja tal-kuntratt u dan kien sar fuq kumpanija li kienet tieħu ħsieb il-kuntratti tal-MTA.

Il-kumpanija Vista Jet kienet fl-eqqel tal-kontroversja dwar il-fatt li kienet taret minn Malta lejhn l-Ażerbajġan propju dakinhar li ċ-Chairman tal-Pilatus Bank kien inqabad ħiereġ mill-istess Bank.

Azzopardi kkonferma li dawn il-€1 miljun ħarġu mill-fondi tal-MTA. Mistoqsi għalxiex ingħataw dawn il-€1 miljun, il-Kontrollur Finanzjarju qal li hu approva l-ħlas tal-ammont iżda ma jafx id-dettalji u ma jafx liema rotot kienu. Azzopardi xehed li l-invoice tal-Visa Jet kellha miktub fuqha route developments iżda ma kienx f’pożizzjoni li jtratta d-dettalji.

Il-kumpanija Vista Jet ingħatat €1 miljun mill-MTA…mhux stabbilit għalxiex

Hu ma jafx jekk kienx hemm l-involviment tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, qatt m’attenda laqgħat dwaw il-Visa Jet, m’għandux rapporti dwar x’ħa l-pajjiż minn dawn il-€1 miljuni u qatt ma kien involuti f’xi trattattivi.

Ir-rotta tat-titjira misterjuża tal-Vista Jet lejn Baku propju meta f’Malta ġie Ali Sadr iċ-Chairman tal-Bank Pilatus u nqabad ħiereġ bil-bagalji mill-istess bank

Is-seduta hi aġġornata.