Lokali

“Il-kbir għadu ġej” – eks spettur tal-Pulizija

L-arrest ta’ mill-anqas 40 uffiċjal tal-pulizija u l-għeluq tas-Sezzjoni tat-Traffiku huwa żvilupp li qed jaffetwa negattivament l-istituzzjoni sħiħa tal-Korp. Il-Prim Ministru Robert Abela għandu jieqaf jiftaħar bil-kontinwità, hekk kif il-kontinwità tfisser li jkomplu abbużi bħal dawn.

Kliem Mary Muscat, lecturer fil-Fakultà tal-Liġi u eks uffiċjal tal-Pulizija, illi esprimiet it-thassib tagħha f’opinjoni ppubblikata fit-Times of Malta.

L-eks spettur tal-Pulizija sostniet li l-Korp spiċċa mmexxi minn nies korrotti, u individwi oħra li kissru l-liġi u issa, inkixef dan ir-‘racket’ mafjuż fejn qisu xejn mhu xejn. Hija rreferiet għal dawk li abbużaw u ħolqu dan ir-racket bħala “kriminali bl-uniformi”.

Mary Muscat kitbet li ghaliha hu diffiċli bħala eks uffiċjal li tgħid dan, u qalet li timmaġina x’emozzjoni qed iħossu fil-mument dawk l-uffiċjali tal-Pulizija li huma onesti hekk kif il-kollegi tagħhom tradewhom.

Hija qalet li dan ir-racket ifakkar fil-jiem tal-eks Ministru Soċjalista Lorry Sant fejn il-vittmi vera kienu ċ-ċittadini.

Hija qalet li l-politika partiġġjana u l-pulizija m’għandhom qatt jitħalltu. U esprimiet it-tħassib ġenwin tagħha ghall-fatt li bħala pajjiż kellna sitt Kummissarji tal-Pulizija f’seba’ snin.

Mary Muscat sostniet li hemm il-ħtieġa li Malta jkollha Kummissarju tal-Pulizija li jkun mudell ta’ kif għandha tkun tmexxija tajba u kif li jġib lura lejn il-Korp tal-Pulizija l-fiduċja tan-nies, dan apparti li jħaddan miegħu l-vera ġustizzja.

L-eks Spettur tal-Pulizija qalet li ghalkemm diġà smajna ħafna dwar l-iskandlu tal-Pulizija, “il-kbir għadu ġej”. U l-Prim Ministru Robert Abela m’għandux jibqa’ jinsisti fuq il-kontinwità, għaliex din mhijiex taħdem.