Lokali

“Il-poplu Malti jixraqlu jgħix f’demokrazija ta’ vera” – Simon Busuttil

Bħala poplu Ewropew, il-poplu Malti u Għawdxi jippretendi li jgħix f’demokrazija ta’ vera, fejn issaltan il-liġi u l-ġustizzja ….u fejn in-normalità verament tiġi restawrata.

Iddikjara dan l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fl-aħħar diskors tiegħu bħala membru parlamentari. Dan hekk kif fil-jiem li ġejjin jieħu l-kariga prestiġġjuża ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew.

“Minn kemm ilha li nqatlet Daphne m’għadniex ngħixu f’demokrazija ta’ vera. Id-demokrazija tagħna tinsab f’koma, anzi fuq life-support,” stqarr Simon Busuttil.

Hu nnota kif bil-Gvern Laburista, il-pilastri tad-demokrazija tfarrku, b’Keith Schembri li għadu mhux arrestat, Joseph Muscat li ma ġiex interrogat, Konrad Mizzi li għadu ma tressaqx il-Qorti u Chris Cardona li jinkixef li n-numru tiegħu kien l-uniku fuq mobile mormi l-baħar u ma ġara xejn.

“Inutli li l-Prim Ministru jgħidilna li sirna normali jekk għadu qed jagħti kenn lil dawn in-nies, għax ikun qed jidħaq bih innifsu,” irrimarka Simon Busuttil.

Waqt li nnota li l-korruzzjoni nawwret lil Kastilja minn ġewwa…. Simon Busuttil wissa’ lill-Gvern li jekk mhux se jaqta’ l-kanċer tal-korruzzjoni, il-pajjiż u l-poplu Malti se jerġa’ jiġrilu bħalma ġralu taħt Joseph Muscat.

Insista wkoll li l-Parlament mhux jaqdi l-funzjoni tiegħu, b’membri mixtrija b’pagi ta’ eluf minn positions of trust u l-Qrati ffurmati minn ġudikatura li mhux tiffunzjona kif wieħed jistenna f’demokrazija.

“Mingħajr ġustizzja ma jistax ikollna għaqda. Jekk mhux se nuru li pajjiżna kapaċi jressaq quddiem il-ġustizzja lil min tassew qatel lil Daphne. Jekk mhux se nkunu kapaċi nressqu quddiem il-ġustizzja lill-politiċi korrotti, ħadd mhu se jiħodna bis-serjetà.”

Pilastru ieħor li nawwar il-Gvern hu l-midja, b’Simon Busuttil jistaqsi kif il-midja tista’ tkun pilastru tad-demokrazija jekk ġurnalista investigattiva nqatlet biex jgħattu l-korruzzjoni.

“Jekk il-pilastri tad-demokrazija qed jogħtru u jċedu, allura mhux ta’ b’xejn li d-demokrazija tinsab fl-istat li hi. Le Prim Ministru, m’aħniex fi stat normali. Illum m’għandniex demokrazija ta’ vera. Anzi, ninsabu fi kriżi bla preċedent fl-istorja ta’ pajjiżna, kriżi politika, kostituzzjonali u istituzzjonali. U l-appell tiegħi hu li lkoll nagħtu sehmna biex jerġa’ jkollna demokrazija ta’ vera,” sostna Simon Busuttil.

Meta kien qed jitkellem dwar is-sodisfazzjon personali li l-karriera tiegħu offrietlu, Simon Busuttil semma’ b’mod speċjali l-ġlieda favur id-demokrazija.

“Minn dan is-siġġu ppruvajt kemm nista’ naħdem għal demokrazija ta’ veru u nbiddel l-affarijiet. M’għandekx bżonn siġġu f’Kastilja biex tbiddel l-affarijiet. Kulma għandek bżonn hu li tkun konvint minn dik li qed tagħmel,” esprima Simon Busuttil

F’diskors li ddedikah lil Daphne Caruana Galizia, Simon Busuttil esprima x-xewqa li l-Parlament Malti wkoll jagħmel bħall-Parlament Ewropew u jiddedika sala għall-ġurnalista assassinata.