Lokali

In-numru tal-immigranti li ddaħħlu f’Malta hu ferm ikbar minn dak maħsub

Ċifri dwar l-ammont ta’ immigranti li ddaħħlu f’Malta fl-aħħar xhur huma konservattivi ferm bl-ammont li ta’ wasliet effettivament huwa ferm ikbar minn dak rappurtat mill-aġenziji tal-aħbarijiet.

Sa issa, kien maħsub li sa mill-bidu tas-sena ‘l hawn daħlu kwazi 750 immigrant f’pajjiżna. Madankollu dan l-istazzjon jista’ jikkonferma li din iċ-ċifra hi ferm inqas mill-ammont li ddaħħlu f’Malta. Dan għaliex dan l-ammont jinkludi biss l-ammont ta’ immigranti li salvaw jew indunaw bihom l-għaqdiet mhux governattivi li joperaw bastimenti ta’ tiftix u salvataġġ fil-Mediterran.

Apparti dawn, jidher li hemm mijiet oħra li ddaħħlu f’Malta wara li ndunaw bihom il-Forzi Armati ta’ Malta, bis-suldati Maltin li wettqu s-salvataġġ u ġabuhom lejn pajjiżna.

Madankollu l-awtoritajiet Maltin qed iżommu fommhom sieket dwar dawn il-każi kollha, kemm dawk li ndunaw bihom il-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll dawk li nterċettaw l-għaqdiet mhux governattivi.

Kuntrarju għal dak li kien isir fil-passat, la l-Gvern Malti u lanqas il-Forzi Armati ta’ Malta m’huma joħorġu stqarrijiet biex jaġġornaw lill-poplu dwar id-dħul tal-immigranti f’pajjizna.

Filfatt, sorsi tagħna fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta stqarrew li s-suldati Maltin qed iwettqu ħidma wara l-oħra u saħansitra salvaw kważi mitejn persuna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Immigranti li ħadd ma tkellem dwarhom.

Sadattant fl-aħħar sigħat dgħajsa b’97 persuna abbord daħlet fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ pajjiżna wara li l-immigranti abbord ikkuntattjaw lill-għaqda mhux governattiva Alarm Phone.

Skont din l-għaqda, il-Forzi Armati ta’ Malta ġew avżati b’din id-dgħajsa u ntlabu jwettqu ħidma ta’ salvataġġ. Madankollu jidher li fl-aħħar sigħat intilef il-kuntatt ma’ dawn l-immigranti u mhux magħruf x’sar minnhom.