Lokali Parlament Saħħa

“L-ammont ta’ counsellors li telqu mill-professjoni mal-Gvern huwa bla preċedent”

"Għandna nattiraw u mhux ingerxu lill-professjonisti minn dan ix-xogħol"

“L-ammont ta’ counsellors li telqu mill-professjoni mal-Gvern huwa bla preċedent u dan ta’ detriment għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Dawn huma nies li jagħmlu tant ġid fil-qasam edukattiv, tas-saħħa mentali, tax-xogħol, fl-anzjanità u r-riforma tal-priġunieri fil-ħabs. Hu għalhekk imperattiv li nattiraw mhux ingerxu lill-counsellors ‘il-bogħod mill-professjoni b’salarji u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.”

Saħaq dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ix-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali, Karl Gouder, waqt intervent fid-dibattitu parlamentari dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar il-professjoni tal-counselling.

Fost l-isfidi li jiffaċċjaw il-counsellors hija li jgħinu l-priġunieri jużaw iż-żmien fil-ħabs biex isolvu l-problemi personali u jgħinuhom joħorġu minn hemm riformati u lesti biex jintegraw lura fis-soċjetà.

Peress li l-counsellors mhux biss għandhom irwol kruċjali biex iservu ta’ spalla morali għall-priġunieri fil-ħabs iżda saħansitra anki għall-anzjani ukoll fost l-oħrajn, Karl Gouder qal li ma hemmx dubju li f’pajjiżna rridu naraw kif din il-professjoni tidħol aktar fil-komunitajiet tagħna.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni lmenta lil għaliex il-Ministeru tal-Edukazzjoni għadu jkaxkar saqajh mal-counsellors li għal dan l-aħħar 6 xhur kienu qed jobdu direttivi tal-union bil-konsegwenza li b’għemilu l-Gvern qiegħed jippermetti li ċerti servizzi kruċjali għall-istudenti u l-akkademiċi fl-iskejjel jiġu mċaħħda minnhom. Għalhekk appella l-Gvern sabiex jindirizza dawn il-problemi u jinstabu s-soluzzjonijiet madwar mejda għal żblokk fl-interess tal-professjonisti u l-istudenti.

Dwar it-tluq bla preċedenti ta’ counsellors minn mal-Gvern li qiegħed jikkawża nuqqasijiet kbar ta’ riżorsi umani fis-settur, Karl Gouder saħaq li l-Oppożizzjoni se tara li l-pagi, is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-professjonisti jitjiebu sabiex impjieg mal-Gvern ikun aktar attraenti u dinjituż. It-tmexxija tal-Gvern fis-settur edukattiv, fost l-oħrajn, għandha tibda tittratta lill-counsellors bħala professjonisti u mhux ħaddiema kwalunkwe li jagħmlu xogħol vokazzjonali fit-trobbija edukattiva taż-żgħażagħ.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni appella ukoll lill-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, sabiex jitrattat b’mod ugwali ukoll lill-counsellors fis-settur privat, b’rabta mal-kwistjoni tal-VAT, minħabba anomaliji li jeżistu. Gouder esiġa li l-professjoni għandhom tiġi eżentata mill-VAT bħalma huma professjonijiet oħra li joffru servizz li f’għajnejn il-Gvern huwa meqjus li jikkumplimenta lill-mediċina.

Id-deputat Nazzjonalista tenna l-appoġġ tal-Oppożizzjoni li jivvota favur l-abbozz imressaq mill-Ministru Michael Falzon iżda se tressaq numru ta’ emendi biex ittejjeb l-istess abbozz bit-tama li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jaslu għall-qbil fuqhom.

Tliet punti saljenti li semma mill-emendi mressqa kienu s-superviżjoni fuq il-counsellors, ir-rappreżentanza tal-Assoċjazzjoni tal-Counsellors fuq il-Kunsill tal-professjoni u n-nomenklatura tal-counsellors.

Dwar l-ewwel punt, il-kelliem tal-Oppożizzjoni saħaq li minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna u n-nuqqas ta’ counsellors, Karl Gouder appella sabiex is-superviżjoni fuq counsellor m’għandhiex tkun ristretta li ssir minn counsellor ieħor iżda tkun miftuħa għall-professjonisti oħra, kif jgħid ir-rapport ‘The Future of Supervision in Counselling’.

Id-deputat Nazzjonalista appella ukoll lill-Gvern sabiex b’konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni jinstab soluzzjoni biex l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Counsellors tkun rappreżentata fil-Kunsill sabiex l-esperjenza li jiksbu mix-xogħol ta’ kuljum, jgħinu lill-istess Kunsill fl-iżvilupp tal-professjoni.

Irrefera għan-nomenklatura ukoll, sabiex meta l-Gvern jiġi biex jingaġġa counsellor, is-sejħa ma jagħmiliex għall-‘Education Support Practitioner’ fost l-oħrajn iżda ssir b’rikonoxximent ċar u dirett għall-professjoni.

Gouder temm irodd ħajr lill-counsellors li f’xogħolhom ikunu minn ta’ quddiem sabiex b’diffikultà kbira jitrattaw esperjenzi fil-qasam soċjali, saħansitra fl-isptarijiet, u ġedded l-impenn tal-Oppożizzjoni sabiex il-ħajja tagħhom fuq il-post tax-xogħol tkun iffaċilitata.