Lokali

L-ISKANDLU FIL-KORP: Numru ta’ uffiċjali jerġgħu jissejħu fid-Depot

Is-sigħat li ġejjin mistennija jkunu krucjali sabiex l-investigaturi jagħmlu l-pass li jmiss b’rabta mal-iskandlu li inkixef fil-Korp tal-Pulizija – skandlu li ħalla pajjiż sħiħ ixxokjat b’dak li kien għaddej minn taħt, l-istejjer ta’ theddid fuq uffiċjali tal-Pulizija, relazzjonijiet intimi f’forma ta’ tpattija, serq ta’ fuel, ċitazzjonijiet maħfura b’mod abbużiv u ħafna aktar.

Dan is-sit jista’ jikkonferma illi l-40 pulizija li allegatament wettqu dawn l-abbużi kellhom suppost jigu infurmati jekk hux se jkollhom il-police bail imġedded, jekk hux se jitressqu l-Qorti jew jekk hux se jiġu rilaxxati. L-ewwel police bail fil-fatt skadiet illum.

Tul il-jum, uħud minn dawn l-uffiċjali reġgħu issejħu fid-Depot, akkumpanjati mill-avukati taghhom. Sa issa, ħadd għadu ma tressaq il-Qorti.

Kien propju whistleblower illi kixef kif uffiċjali tal-Pulizija, b’mod sistematiku, kienu jiġbru “flus” mingħand kumpanijji tal-kostruzzjoni u oħrajn tat-trasport biex jagħlqu għajnejhom għal ċitazzjonijiet u ksur ieħor tal-liġi. U dwar dan kollu, ħadd mill-Gvern ma jrid iġorr responsabbilta’ politika – bil-Kap tal-PN Adrian Delia jinsisti li l-PM kien ilu jaf b’dak li kien għaddej fil-Korp.