Futbol Sport

Mangia se jagħmel id-debutt uffiċjali bħala kowċ nazzjonali x-xahar id-dieħel

(Ritratt: MFA)

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Devis Mangia se jagħmel id-debutt uffiċjali bħala kowċ nazzjonali x-xahar id-dieħel. Malta se tkun qed tilgħab żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra Ġibiltà fis-26 ta’ Marzu u kontra l-Ażerbajġan erbat ijiem wara, biż-żewġ logħbiet se jintlagħbu fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo ħabbar dan waqt laqgħa tal-Kunsill tal-MFA.

Fl-istess laqgħa, tħabbar ukoll li t-tim nazzjonali taħt it-tmexxija ta’ Mangia, se jagħmel ġimgħa fl-Awstrija lejn l-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju bħala parti minn kamp ta’ taħriġ. Dan il-kamp ta’ taħriġ hu simili għal dak li sar is-sena l-oħra taħt it-tmexxija ta’ Ray Żażu Farrugia, b’Malta dakinhar tilgħab kontra l-Armenja u l-Georgia.

Ftit jiem wara, Malta mistennija tilgħab partita ta’ ħbiberija kontra ċ-champions Ewropej il-Portugall. Din il-logħba mistennija tintlagħab f’Lisbona u tkun l-aħħar waħda għat-tim Portugiż qabel jibda l-impenji fil-Kampjonat Ewropew li rebaħ erba’ snin ilu.