Lokali Saħħa

Mediċina tal-ażma out-of -stock

Diversi individwi fl-aħħar ġimgħat ilmentaw ma’ Net News dwar il-mediċina bl-isem ta’ Foradil illi kienet tneħħiet mill-formolarju tal-POYC, sabiex minflok, poġġew il-mediċina bl-isem Salment. Dan tal-aħħar huwa Inhaler li għal ħafna każi – kif spjegawlna diversi persuni li jbatu bl-ażma – mhux b’saħħtu jew effettiv daqs il-Foradil. Tant li ddeskrivewh bħala “inutli”.  

Minħabba dan kollu, dawn il-pazjenti qed jispiċċaw jixtru l-Foradil mill-ispiżerija għal prezz ta’ kważi €51 kull xahar.

Meta l-pazjenti staqsew dwar dan kollu, in-nies mid-Dipartiment tas-Saħħa qalulhom li din il-mediċina ilha wieqfa milli titqassam għal kważi sena.

Il-pazjenti li tkellmu magħna qalulna li mhux ġust li jkunu imwegħda li jingħataw mediċina b’xejn, biex imbghad jispiccaw f’sitwazzjoni fejn il-mediċina li tkun tajba tinbidel ma’ oħra.  Nies oħra qalulna wkoll li anke l-Aircort, ilu out-of-stock għal aktar minn sena – mediċina li kienet tintuża minn ħafna nies.

L-istess nies qalulna li dan hu kaz iehor meta thallas it-taxxa sal-inqas ċenteżmu mbaghad għax tiġi bżonn mediċina li kulħadd jiftaħar li hi b’xejn, tqum filgħodu u ssib li l-gvern qataha mill-lista ta’ mediċini b’xejn biex imbagħad niftaħru kemm żidna mediċini ġodda fil-lista tal-POYC, qalulna l-istess sorsi li tkellmu magħna.

Qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 il-Partit Laburista għamel kampanja sħiħa jwiegħed lill-poplu li taħt Gvern Laburista mediċini out-of-stock mhux se jibqa’ jkollna.

Persuni nsistew li mhux talli din il-wegħda mhux tinżamm, imma l-Gvern mhux ikollu l-kortesija li jinforma b’avviż li l-mediċina ma tinstabx Malta, filwaqt li mhux jagħti informazzjoni meta l-mediċina tinbidel.