Lokali Unjoni Ewropea

“Mhux aċċettabbli li l-qtil ta’ Caruana Galizia u Kuciak seħħew fi stati membri tal-UE” – Casa

Il-Parlament Ewropew fakkar il-memorja tal-ġurnalisti investigattivi Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak, waqt attività llum li matulha ġiet preżentata skultura artistika ad unur iż-żewġ ġurnalisti. Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa organizza din il-wirja fil-Parlament Ewropew, flimkien mal-MEP Slovakka mill-Grupp tal-ECR Lucia Duris Nicholsonova.

L-inawgurazzjoni tal-wirja saret fil-preżenza tal-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak, kif ukoll il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Vera Jourova u l-Viċi President tal-Parlament Ewropew Mairead McGuinness.

Fid-diskors tiegħu, Casa, li hu parti mit-tmexxija tal-Parlament Ewropew bħala Kwestur, insista li l-ġustizzja fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll dwar dak li żvelat, għadha ma seħħitx. “Hemm politiċi kompliċi ma’ dawk li qed jiġu akkużati bil-qtil, li għadhom jiġru barra. Mhux se noqgħodu kwieti qabel issir ġustizzja, sakemm isseħħ il-bidla vera,” qal Casa.

Hu faħħar il-Parlament Ewropew li dejjem iddefenda lill-poplu Malti u Għawdxi, u dejjem kien hemm għal Daphne Caruana Galizia, kif ukoll għall-familja tagħha. “Ma nistgħu qatt nippermettu li ġurnalisti jgħaddu minn dak li għaddew minnu Daphne u Jan. Se nagħmlu minn kollox biex nipproteġu lill-ġurnalisti investigattivi.”

David Casa, fir-rwol tiegħu fil-Bureau tal-Parlament, ħadem biex jinħoloq il-Premju għall-ġurnaliżmu investigattiv ad unur Daphne Caruana Galizia.

Waqt l-attività xxandar filmat li jfakkar lil Daphne Caruana Galizia.