Lokali

Prokuratur Taljan iwissi lill-klabbs sportivi mill-infiltrazzjoni tal-mafja f’Malta

Il-Prokuratur Taljan kontra l-Mafja, Cafiero De Raho, wissa’ lill-klabbs sportivi ewlenin biex joqgħodu attenti mill-infiltrazzjoni tal-mafja grazzi għal kumpaniji ibbazati f’Malta. Din it-twissija ngħatat waqt il-kungress dinji li jgib l-isem Global Leadership & Anticorruption in Sport li qed isir f’Ruma.

Waqt id-diskors tiegħu, De Raho ddikjara li l-gruppi tal-mafja qed jisfruttaw ġurisdizzjonijiet fejn id-dixxiplina b’rabta mal-logħob tal-imħatri onlajn hi laxka.

Sfortunatament, fid-diskors tiegħu De Raho semma’ lil Malta bħala eżempju li fi kliemu hu relevanti. Biex isaħħaħ l-argument tiegħu, hu semma’ diversi każi riċenti fejn kapijiet tal-mafja ġew arrestati wara li użaw kumpaniji Maltin li jaċċettaw imħatri fuq l-isport biex jaħslu flushom.

Hu fatt magħruf li l-gruppi tal-kriminalità organizzata fl-Italja fl-aħħar snin bidlu l-operat tagħhom biex saru jiffinanzjaw lilhom infushom bil-logħob tal-azzard, minflok it-traffikar tad-droga u l-armi kif kien fil-passat.

Dan apparti li diversi gruppi li għadhom joperaw fit-traffikar tad-droga, u jaqilgħu miljuni kbar minn dan il-kummerċ, saru jilgħabu l-flus li jaqilgħu biex b’hekk jaħslu flushom. Dan billi jużaw kumpaniji tal-imħatri fuq l-isport bl-użu ta’ medjaturi jew inkella kumpaniji li ma jkollhomx uffiċċji f’pajjiżi bħal Malta iżda biss indirizz reġistrat f’pajjiżna.

L-iktar riċenti mill-każi li nqabdu mill-awtoritajiet Taljani hu dak ta’ Salvatore Nicitra, li fl-Italja qed ikun akkużat ukoll b’ħames omiċidji.

L-awtoritajiet Taljani qed jakkużaw lil Nicitra li mexxa’ kumpaniji tal-gaming, fosthom Potterbet, bl-iskop li jiffinanzja lill-mafja. Sa riċenti Potterbet kienet irreġistrata taħt l-isem ta Potter MRC Gaming Limited u stabbilita fi Psaila Street, f’Birkirkara.

Potterbet hi waħda minn ħames kumpaniji li kienu ħallew pajjiżna fl-2018, wara li investigazzjoni mill-Awtorita Maltija tal-Gaming sabet diversi rregolaritajiet u rabtiet mal-kriminalita organizzata.

Fid-dawl ta’ dawn il-każi, il-Prokuratur Taljan De Roha esprima tħassib li l-mafja issa qed iddawwar l-attenzjoni tagħha fuq klabbs sportivi ewlenin, tilgħab miljuni f’imħatri onlajn biex taħsel flus ġejjin minn attivitajiet illegali u tinfluwenza r-riżultati bl-iskop li tikseb dħul maġġuri f’rebħ.