Internazzjonali

Renju Unit: Kompliet is-sitwazzjoni ta’ emerġenza minn Storm Dennis

L-awtoritajiet Britanniċi, fl-aħħar sigħat, kienu qegħdin jevakwaw lin-nies miz-zoni viċin ix-Xmara Severn, fi Shropshire, filwaqt li baqgħu effettivi t-twissijiet dwar għargħar ġdid tul diversi bnadi tar-Renju Unit.

Is-sitwazzjoni ta’ emerġenza, intant, baqgħet ukoll valida, sigħat wara li tilfet ħajjitha mara li ġarritha l-għargħar fl-inħawi ta’ Worcestershire. Dan meta mijiet ta’ djar spiċċaw mifqugħin bl-ilma b’kaġun tal-maltemp ‘estrem’ ta’ Storm Dennis li, fl-aħħar jiem, kien qed jassedja lir-Renju Unit flimkien ma’ pajjiżi oħrajn tal-Ewropa.

Baqgħu effettivi ’l fuq minn 200 flood warning, b’għaxar twissijiet ikunu ta’ livell aktar akut li jindika periklu ta’ telf tal-ħajja.

Ix-Xmara Wye, f’Monmouth (f’Wales) issa laħqet l-ogħla livell qatt irreġistrat, bl-agħar zoni affettwati mill-għargħar jinkludu n-naħat t’isfel ta’ Wales, flimkien ma’ Herefordshire, Worcestershire u Shropshire, fejn seħħew numru ta’ inċidenti.

L-aħħar twissija serja dwar għargħar – għax-Xmara Severn f’Telford (Shropshire) – wasslet għall-evakwazzjoni ta’ residenti mill-inħawi ta’ Ironbridge. Dan waqt li t-toroq tal-inħawi litteralment inqasmu taħt il-pressjoni tal-ilma fost sinjali li z-zona kellha tkun koperata mill-għargħar minn ħin għall-ieħor.

Saru wkoll l-evakwazzjonijiet minn dar għall-anzjani u r-residenzi tal-madwar f’Whitchurch, f’Herefordshire, wara li l-inħawi mtlew bl-ilma mix-xmara.

Dan fost twissijiet li l-livelli tas-Severn setgħu jilħqu għoli ta’ 6.7 metru.

Intant, l-ilqugħ għall-għargħar f’Upton upon Severn, f’Worcestershire, dehru li kienu qed jirreżistu għall-pressjoni tal-ilma.

L-Aġenzija għall-Ambjent, fl-istess ħin, qalet li ’l fuq minn 400 djar u negozji madwar il-pajjiż spiċċaw taħt l-għargħar u li dan in-numru x’aktarx li jiżdied fis-sigħat li jmiss.

Fl-istess ħin, il-pulizija qed twissi biex in-nies jeżerċitaw il-massimu tal-kawtela f’din is-sitwazzjoni u biex ma jsuqux il-karozzi mill-għargħar. Ħarġet ukoll direttiva ‘biex in-nies ikunu lesti biex iħallu djarhom f’każ li jkun neċessarju fiċ-ċirkustanzi’.

Il-mara li mietet fl-għargħar, fl-aħħar sigħat, kienet identifikata bħala Yvonne Booth, ta’ 55 sena. Jidher li hi għerqet wara li kaxkarha l-għargħar f’ħin meta l-karozza tagħha spiċċat wieqfa (fost l-għargħar) qrib Tenbury Wells.

Għalissa hemm tmien flood warnings serji fl-Ingilterra u tnejn għal Wales – fir-rigward tax-xmajjar Lugg, Severn, Wye u Trent.

Dan meta mistennija aktar xita f’diversi bnadi tar-Renju Unit għal matul il-ġimgħa, bl-Uffiċċju Meteoroloġiku joħroġ twissijiet magħrufa bħala yellow warnings għat-Tramuntana u n-Nofsinar ta’ Wales.

Is-servizzi għall-emerġenzi, sadattant, kellhom jużaw id-dgħajjes biex isalvaw ir-residenti f’Hereford, waqt li l-ilma tax-Xmara Wye telgħet għal livell rekord. Kienu anki salvati numru ta’ nies fl-inħawi ta’ Shrewsbury wara li l-ilma tax-Xmara  Severn faqgħet l-art taz-zona.

Sar magħruf ukoll li l-widien fin-naħa t’isfel ta’ Wales, fi tmiem il-ġimgħa, irreġistraw l-ogħla livelli ta’ ilma għal aktar minn 40 sena. Dan wara l-iskala tal-għargħar fl-inħawi laħqet skala mingħajr preċedent fl-istorja.

Fi żviluppi oħra, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Luke Pollard, ikkritika l-fatt li l-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, ma żarx lill-komunitajiet affettwati mill-maltemp ta’ ‘Dennis’.

Mill-banda l-oħra, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street (Londra) qalu li Boris Johnson kien qed ikun aġġornat kontinwament dwar is-sitwazzjoni tal-għargħar, li l-istess Uffiċċju fissritha bħala ‘waħda terribbli’.

Il-Gvern Britanniku, sadattant, attiva skema għall-fondi ta’ emerġenza li għandhom jibbenefikaw minnha z-zoni affettwati mill-għargħar. Iz-zoni inkwistjoni jinkludi bnadi ta’ Nottinghamshire, Leicestershire, Derbyshire, Shropshire, Telford and Wrekin, Worcestershire u Herefordshire.