Lokali Parlament

Simon Busuttil jappella biex jitkompla dak li nbeda favur id-demokrazija

Jiddedika l-aħħar diskors tiegħu fil-parlament lil Daphne Caruana Galizia

Fl-aħħar diskors tiegħu bħala deputat Nazzjonalista, Simon Busuttil appella biex il-poplu Malti jkompli dak li nbeda favur id-demokrazija fil-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li kien elett fil-parlament f’elezzjoni ta’ Marzu 2013 u issa se jirriżenja wara 7 snin iservi fil-parlament. Servejt b’mod kburi f’isem il-PN u se nirriżenja minħabba l-ħatra fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-PPE fil-Parlment Ewropew mill-1 ta’ Marzu 2020.

Simon Busuttil se jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-PPE;
l-akbar grupp politiku fil-parlament Ewropew

Minn hemm inkun f’pożizzjoni effettiva u nerġa’ nibda ngħin biex nibdew innaddfu isem Malta u biex naraw li l-Ewropa iżżomm għajnejha miftuħa fuq dak li qed jagħmel il-gvern; speċjalment fuq il-ġustizzja għal Daphne u fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dħalna fl-Ewropa għax aħna Ewropej u jixirqilna li ngħixu f’demokrazija ta’ veru fejn issaltan il-liġi u d-demokrazija.

Simon Busuttil qal li kien se jiddedika l-aħħar diskors tiegħu lil Daphne Caruana Galizia; “il-martri tal-libertà u tad-demokrazija li qatluha biex jgħattu l-korruzzjoni”. Hu qal li jixtieq li l-parlament Malti jonora lil Daphne u jsemmi sala għaliha kif għamel il-parlament Ewropew.

Simon Busuttil jiddedika l-aħħar diskros lill-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Gaizia

Mill-qtil ta’ Daphne, id-demokrazija ħadet daqqa mortali; m’għadniex ngħixu f’demokrazija ta’ veru. Id-demokrazija tinsab f’koma; altru mill-ninsabu fi stat ta’ normalità.

Il-qtil ta’ Daphne kien l-akbar daqqa tal-mewt għad-demokrazija iżda ma kienx l-uniku daqqa għaliex il-gvern farrak il-pilastri tad-demokrazija. M’aħniex ngħixu f’demokrazija ta’ veru, sostna Simon Busuttil.

Hu kompla li l-pilastri tad-demokrazija tfarrku b’gvern korrott minn fuq s’isfel. Dwar l-iskandlu ta’ korruzzjoni fil-pulizija, Simon Busuttil qal li kif jistgħu l-pulizija jittellgħu l-qorti meta Konrad Mizzi u Keith Schembri għadhom jiġru barra.

Il-gvern għadu qed jagħtihom kenn u għadu jiddefendiehom billi jtiehom impunità sħiħa. Mhux normali li sirna nafu li Joseph Muscat kien jaf li Yorgen Fenech kien suspettat ewlieni u baqa’ jistiednu għall-parties. Mhux normali li jinstab mobile tal-akkużati bin-numru ta’ Chris Cardona biss u ma jiġri xejn. Għall-prim ministru Robert Abela dan hu pajjiż normali!

Joseph Muscat baqa’ jistieden lil Yorgen Fenech għall-parties anki
meta kien jaf li kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-korruzzjoni hi kanċer, sostna Simon Busuttil, li kompla li l-gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela jiġrilu bħal Muscat jekk ma jneħħix il-kanċer.

Il-parlament mhux qed jaqdi l-funzjoni tiegħu kif inhu mistenni f’demokrazija Ewropea minħabba li ma jagħmilx skrutinju fuq il-gvern u minħabba li d-deputati Laburisti għandhom position of trust; jibżgħu jitkellmu kontra l-gvern għax ikeċċiehom. Tnejn biss ma nxtrawx; Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia li għażlu l-prinċipju tagħhom. Jeħtieġ li l-parlament jissaħħaħ billi li d-deputati jitħallsu aħjar.

Simon Busuttil isellem lil Godfrey Farrugia u Marlene Farrugia għall-ħidma tiegħu

Hu semma’ l-qrati u qal li dawn mhux jagħtu ġustizzja fuq il-korruzzjoni fejn imħallef ma jridx li jinfetħu inkjesti fuq il-Panama Papers u fuq l-isptarijiet. Imħallef ieħor jissemma’ mill-mafia li qatlet lil Daphne biex imorru għandu biex jaqdiehom. Maġistrat oħra li hu ta rapport tal-FIAU dwar it-tixħim tal-passaporti għadha m’għamlet xejn.

Maġistrat oħra għad m’għamiltx inkjesta dwar tixħim fil-konfront ta’ Adrian Hillman, maġistrat oħra għad għandna inkjesta miftuħa dwar il-Panama Papers u ma sar xejn. Il-gvern abbuża mis-sistema ta’ ħatriet fil-qrati u issa kisser l-indipendenza tal-ġudikatura. Hu sellem lill-għaqda ‘Repubblika’ li ħadmet biex il-każ ikun trattat fil-Qorti Ewropa.

Il-maġġoranza tal-ġudikatura huma nies onesti, integri u kompetenti. Il-poplu dejjem għandu jieħu ġustizzja mill-qorti. Mingħajr ġustizzja ma jistax ikollna għaqda, sostna Simon Busuttil, li kompla li l-pajjiż irid jieħu passi fuq Daphne u fuq l-ogħla nies ta’ poter ħadt ma jeħodni bis-serjetà.

Il-media ma tistax tkun indipendenti meta fil-pajjiż inqatlet Daphne Carana Galizia minħabba l-korruzzjoni tal-power station. Hu tkellem dwar il-memorji li kellu kemm dam fil-politika u qal li kien ta dispjaċir li l-pajjiż inqasam fuq il-korruzzjoni. Simon Busuttil qal li l-partiti politiċi m’humiex timijiet tal-football u l-poplu m’għandux jagħtihom appoġġ għami.

Simon Busuttil qal li kien ta’ sodisfazzjon li twieldet is-soċjetà ċivili ‘Repubblika’ u ‘Occupy Justice’ li huma l-warda li ħarġet minn dan ix-xewk. Hu rringrazzja lil Rosette Thake, lil dawk li ħadmu miegħu, lil Kristina, lix-xufier tiegħu Toni Tabone u lill-Kap tal-Oppożizzjoni waqt li sostna li fl-Oppożizzjoni m’hemmx fazzjonijiet iżda għaqda waħda kontra l-korruzzjoni.

Simon Busuttil isostni li Occupy Justice u Repubblika huma l-warda li ħarġet mix-xewk

Simon Busuttil qal li kien xegħel xemgħa ta’ tama u appella biex din il-fjamma tibqa’ sal-aħħar biex il-pajjiż jerġa’ jkollu demokrazija kif jixraqlu l-pajjiż.