Internazzjonali

Żbroff ta’ vjolenza ġdida fil-lvant tal-Ukrajna

Il-militar tal-Ukrajna qal li l-qawwiet tiegħu ‘fiz-zona tal-gwerra’ lejn il-lvant tal-pajjiż spiċċaw suġġetti għall-bumbardamenti kbar mir-ribelli separatisti li qed jopponu lill-Gvern fi Kiev.

L-aħħar rapport qalu li fil-bumbardamenti nqatel talanqas suldat Ukren, b’oħrajn jispiċċaw midruba.

Sadanittant, ir-ribelli – li għandhom appoġġ mir-Russja – taw versjoni differenti tal-iżviluppi fejn qalu li t-truppi Ukreni kienu qed jippruvaw jinfiltraw ‘mil-linji tagħhom’. Din il-versjoni kompliet li t-truppi inkwistjoni spiċċaw f’għalqa ‘miżrugħa bl-isplussivi’ u bil-konsegwenza li mietu wħud minnhom.

L-aħħar żbroff ta’ ġlied f’dan il-konflitt ( li ilu għaddej mill-2014) qed inkwieta lill-Gvern tal-Ukrajna — bil-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ilaqqa’ lill-Kunsill tas-Sigurtà biex jiddiskutu l-iżviluppi.

Dan meta l-aħħar vjolenza kompliet tipperikola l-ftehim fraġli għal waqfien mill-ġlied bejn Kiev u r-ribelli separatisti.

L-abbozz tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied kien intlaħaq fi Frar tal-2015 waqt li hu magħruf bħala ‘il-ftehim ta’ Minsk’ . Madankollu, ma damux ma seħħew l-abbużi għal dan il-patt, bil-ġlied ikompli bejn ir-ribelli u l-qawwiet Ukreni.

L-aħħar ġlied – li ntemm ftit tal-ħin ilu – seħħ viċin il-villaġġ ta’ Zolote, fl-inħawi ta’ Luhansk, fir-reġjun ta’ Donbass u li, fil-parti kbira, hu kontrollat mir-ribelli.

Il-Gvern Ukren, intant, ħareġ stqarrija fejn qal li l-pożizzjonijiet tas-suldati tiegħu kienu bumbardjati ‘bla heda’ f’diversi nħawi madwar Zolote u fejn ‘l-aggressuri użaw l-armamenti li huma projbiti skont il-kriterji tal-Ftehim ta’ Minsk’.