– Id-deputat Laburista Joe Mizzi
Jirriżulta li hemm abbużi fid-distribuzzjoni tal-ilma għas-saqwi fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Kien id-deputat Laburista Joe Mizzi li fil-parlament staqsa lill-Minitru tal-Agrikoltura dwar l-ilma għas-saqwi u qal li f’Għawdex u fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta s-sistema ta’ distribuzzjoni hi lesta iżda fin-naħa t’isfel ta’ Malta x-xogħol għadu għaddej. Hu qal li d-distribuzzjoni ta’ dan l-ilma taqa’ taħt il-Ministeru tal-Agrikoltura u allura hu konxju li fl-aħħar ġimgħat qed ikun hemm ħafna ilmenti min-naħa t’isfel ta’ Malta li qed ikun hemm abbużi serji minn xi individwi tant li f’ċertu żoni dan l-ilma mhux jasal.
Hu appella lill-ministru responsabbli biex jittieħdu passi biex isiru l-ispezzjonijiet meħtieġa biex ikun assigurat li ma kienx hemm devjazzjoni tal-appart biex individwi jieħu l-ima waqt li ħaddieħor ma jieħux.
Joe Mizzi appella wkoll lill-Ministru tal-Agrikoltura biex jibgħat lill-uffiċjali responsabbli biex jispezzjonaw u jassiguraw li m’hemmx abbużi minħabba li dan qed iwassal biex ikun hemm konsegwenzi fuq ċertu raħħala fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Il-Ministru Anton Refalo qal li dan proġett ta’ prijorità u stieden lid-deputat Laburista Joe Mizzi biex itih id-dettalji.
Joe Mizzi qal li l-abbużi jistgħu jkunu trattati mill-ewwel billi jintbgħatu l-uffiċjali għaliex hemm ducting imkisser u hemm devjazzjonijiet biex l-ilma jmur f’ċertu żoni. Hu semma’ wkoll iż-żoni ta’ Ħaż-Żabbar u Marsaskala u qal li f’dawn il-postijiet matul il-lejl meta jinfetaħ il-ġibjun l-ilma qed imur f’ċertu żoni biss.
//= $special ?>