Il-Partit Nazzjonalista huwa preokkupat f’isem l-għexieren ta’ bdiewa li huma mħassba dwar l-avviż tal-Wasteserve li jindika li se jsir eżerċizzju minn din l-entità biex jittieħdu madwar 226 tomna ta’ raba fl-inħawi tal-Magħtab.
Dan qalu fi stqarrija ffirmata minn Edwin Vassallo, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd fejn qal li dan ifisser li dawn il-bdiewa se jiġu żgumbrati mill-għelieqi tagħhom u magħhom hemm ukoll residenti involuti li jistgħu jispiċċaw ikunu mkeċċija minn fejn qed jgħixu issa fl-istess inħawi.
Skont il-bdiewa involuti l-ammont ta’ raba li se tittieħed tlaħħaq mal-400 tomna. Filwaqt li skont il-kalkoli ta’ qisien li jidhru fil-Gazzetta tal-Gvern l-ammont ta’ raba li se jittieħed se jkun ta’ 226 tomna, li huma daqs 35 grawnd tal-futbol.
L-istqarrija tkompli tgħid li dan huwa ammont kbir ta’ raba li se jonqos mill-ammont ta’ raba maħdum f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista huwa kontra li din ir-raba tittieħed biex isir kontinwazzjoni tal-landfill u għalhekk kontra li din ir-raba tinqered. Il-PN se jibqa’ jaħdem fuq dan il-każ biex toħroġ il-verità kollha għaliex din ir-raba ser tittieħed, ittemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>