Internazzjonali

Coronavirus: Mijiet ta’ passiġġieri jitilqu mill-vapur fi kwarantina fost kritika għal kif wieġeb il-Ġappun għall-kriżi

Mijiet ta’ passiġġieri li testjaw negattiv għall-coronavirus ġdid fl-aħħar sigħat niżlu minn fuq il-bastiment tal-cruises ‘Diamond Princess’ li ilu l-aħħar jiem miżmum fi kwarantina fil-port ta’ Yokohama. L-aħħar movimenti seħħew waqt li l-Ġappun kien qed jipprova jwieġeb għall-kritika qawwija fil-konfront tiegħu għall-mod kif hu ħa ħsieb din il-kriżi għas-saħħa.

Espert tas-saħħa Ġappuniż li tela’ fuq il-bastiment fisser is-sitwazzjoni abbord bħala ‘waħda ddominata mill-kaos’. Dan waqt li uffiċjali tal-Istati Uniti tennew li l-passi li ttieħdu għall-kontroll tal-coronavirus (COVID-19) ‘setgħu ma kenux suffiċjenti’.

Il-passiġġieri li fl-aħħar sigħat ingħataw il-permess biex jinżlu mid-‘Diamond Princess’ qablu li s-sitwazzjoni ta’ kwarantina fuq il-bastiment kienet waħda diffiċli ħafna. Dan meta talanqas 542 passiġġier u membri tal-ekwipaġġ fuq il-bastiment spiċċaw infettati bil-virus. Il-bastiment kien qed iġorr total ta’ 3,700 persuna u l-grupp ta’ infettati bil-coronavirus hu l-akbar wieħed barra ċ-Ċina.

Intant, numru ta’ pajjiżi kienu qed jevakwaw liċ-ċittadini tagħhom mid-‘Diamond Princess’, meta deher li r-rata ta’ infezzjoni kienet qed tikber.

Meta mijiet ta’ passiġġieri Amerikani tneħħew diġà mill-bastiment u tpoġġew fi kwarantina ġewwa pajjiżhom, ir-Renju Unit qed jittama ‘li jwassal lura lill-74 ċittadin Britanniku li qegħdin fuq id-‘Diamond Princess’ aktar ‘il quddiem din il-ġimgħa’.

Ġie kkonfermat li r-Renju Unit, il-Kanada, l-Awstralja u pajjiżi oħra qed jaħsbu biex iqiegħdu liċ-ċittadini kollha tagħhom li jinżlu mill-bastiment fi ‘kwarantina addizzjonali’ għal erbatax-il jum u ladarba huma jirritornaw pajjiżhom.

Sadanittant, koppja Britannika fuq il-bastiment – li kienu qed jużaw regolarment il-media soċjali biex jaġġornaw lill-istampa dwar il-kundizzjonijiet fuq id-‘Diamond Princess’–  issa kkonfermaw li huma testjaw ‘pożittiv’ għall-coronavirus.

Diversi esperti tas-saħħa, fl-istess ħin,  ikkuntestaw l-effettività tal-miżuri għal kwarantina fuq il-bastiment tal-cruises.

Il-Professur Kentaro Iwata mit-taqsima għall-mard li jittieħed fl-Università ta’ Kobe ( fil-Ġappun) fisser iċ-ċirkustanzi fuq id-‘Diamond Princess’ bħala ‘kompletament inadekwati fejn jidħlu l-miżuri għall-kontroll tal-infezzjonijiet’.

Wara li żar il-bastiment, il-professur bagħat video fuq YouTube fejn stqarr li ‘il-miżuri ta’ kwarantina li kien ra b’għajnejh naqsu milli jisseparaw lill-persuni infettati mill-virus minn persuni oħra’.