‘Il-verita’ ma’ tista’ tmut qatt’
Dan kien il-messaġġ u t-tema prinċipali ta’ esebizzjoni permanenti li ttellgħet fil-Parlament Ewropew bħala parti mill-kommemorazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak, il-ġurnalist Slovak li nqatel fl-2018.
David Casa flimkien ma’ Lucia Nicholsonova, MEP mill-Islovakja, ħejjew din l-attivita’ ta’ kxif ta’ struttura tal-arti bil-għan illi jiġu mfakkra b’mod permanenti iż-żewġ ġurnalisti investigattivi u anke biex jitwassal il-messaġġ li għalkemm t-traġedji seħħew il-verita’ hija xi ħaġa immortali li ma tista’ tinqatel qatt.
David Casa, Membru Parlamentari Ewropew kien wieħed mill-organizzaturi prinċipali biex tittella’ din il-wirja permanenti. NET News fi Brussel staqsa lil David Casa dwar is-sinifikat ta’ din l-esebizzjoni.
Tul l-attivita’ ġie muri filmat emozzjonanti li fakkar il-ġrajja taż-żewġ ġurnalisti, u wara taw id-diskorsi tagħhom il-familjari ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ Jan Kuciak illi fost oħrajn saħqu li dawn kienu avvenimenti li mhux biss laqtu lilhom direttament iżda li heżżew il-pilastri fundamentali ta’ sistemi demokratiċi.
Il-qtil taż-żewġ ġurnalisti huwa wkoll sinifikanti mhux biss fuq livell nazzjonali jew reġjonali iżda wkoll fuq livell internazzjonali wisq iżjed għaliex il-każijiet seħħew f’żewġ pajjiżi li huma membri stati fl-Unjoni Ewropea. U għalkemm Malta u l-Islovakja huma pajjiżi differenti t-tnejn li huma jistgħu jagħdru lil xulxin għax għaddew minn attakk simili fuq id-demokrazija, u t-tnejn li huma jinsabu wkoll fl-Unjoni Ewropea.
Spikka wkoll l-appell tal-familji lill-politiċi tal-Unjoni Ewropea biex jaġixxu fejn il-Gvernijiet ta’ Malta u tal-Islovakkja fallew biex jaġixxu sabiex b’hekk verament tinkiseb ġustizzja.
Tkellmu wkoll Vera Jourova, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, u anke l-Viċi President tal-Parlament Ewropew Mairead McGuinness, li saħqu dwar l-importanza li dawn iż-żewġ każijiet jiġu trattati serjament u mogħtija l-importanza meħtieġa. Raw ukoll opportunita’ biex fuq livell Ewropew tiġi mħarsa u protetta l-midja mingħajr tfixkil minn politiċi u kriminali li jagħmlu minn kollox biex iżommu s-sigrieti tagħhom mistura.
Apparti hekk, qed jiġu finalizzati l-aħħar tħejjijiet sabiex kull sena jibda jiġi mogħti premju għall-ġurnaliżmu investigattiv bl-isem Daphne Caruana Galizia Prize. Ġie miftiehem li ser ikun qed jinħatar bord ta’ ġurnalisti illi bejniethom jiddeċiedu min ser ikun qed jieġu dan il-premju prestiġġjuż.
//= $special ?>