Ekonomija Lokali

“Il-Gender pay gap kompliet tikber” – Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa

Il-Gender pay gap, in-nuqqas ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ awtorità, iċ-ċifri baxxi ta’ nisa f’karrieri tradizzjonalment meqjusa dominju tal-irġiel, bħax-xjenza, l-arkitettura u t-teknoloġija fost oħrajn, u l-abbuż kontra n-nisa abbażi tal-ġeneru tagħhom kienu dawn fost it-temi li ressqu quddiem il-Prim Ministru Robert Abela grupp ta’ rappreżentanti tal-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa f’laqgħa li kellhom f’Kastilja dalgħodu.

Il-Fondazzjoni esprimiet it-tħassib għall-fatt li f’pajjiżna id-differenza fil-pagi abbażi tal-ġeneru – jiġifieri d-differenza fil-ħlas bejn nisa u rġiel, kompliet tmur għall-agħar. Huma kkwotaw ċifri li juru li fl-2009, il-gender paygap kien inqas minn dak li għandna llum.

Huma tkellmu wkoll dwar id-differenza fil-pensjonijiet bejn mara u raġel – xi ħaġa li qed tkompli tpoġġi lil-nisa bi dħul baxx f’pożizzjoni vulnerabbli.

In-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament huwa fatt ieħor li jkompli jirriffletti l-iskarsezza ta’ nisa f’awtorità u f’pożizzjonijiet fejn jittieħdu deċizjonijiet importanti.

Il-Fondazzjoni tkellmet ukoll dwar ir-realtà li x-xogħol tad-dar u tal-kura tat-tfal jew ġenituri anżjani għadu meqjus bħala responsabbiltà tal-mara u dwar il-fatt li għad għandna nuqqas kbir ta’ flessibiltà f’dak li hu ħin tax-xogħol jew flexihours.

In-nuqqas ta’ bilanċ fix-xogħol bejn il-koppja se jkompli jwassal għal aktar separazzjonijiet wissiet il-Fondazzjoni, u tenniet it-tħassib tagħha dwar il-vjolenza kontra n-nisa li tmur minn abbuż jew fastidju f’sitwazzjonijiet ta’ kuljum, bħal fuq il-post tax-xogħol jew fit-triq, għal abbuż fiżiku wara l-bibien magħluqa tad-djar tagħhom.