Lokali Temp

Il-ħames l-aktar Jannar xott f’100 sena

B’179 siegħa ta’ xemx imkejlin f’Jannar, hekk kif tul dan l-ewwel xahar tas-sena kelna 10% aktar dawl mill-medja, filwaqt li fl-aktar jum mudlam tax-xahar, tkejlu biss 0.2 sigħat ta’ xemx.

Grafika mill-Uffiċju Meterjoloġiku ta’ Malta

Skont l-Uffiċju Meterjoloġiku, dan kien ukoll wieħed mill-aktar xotti rrekordjati mill-1923 ‘l hawn.

Fil-fatt dan kien il-ħames l-aktar Jannar xott f’dawn l-aħħar kważi mitt sena, fejn kelna biss 15-il millimetru ta’ xita tul il-31 ġurnata. Il-bogħod ħafna minn norma ta’ 92.9 millimetru għal dan ix-xahar. L-aktar jum li fih niżlet xita tul dan ix-xahar tassew xott kien it-12 ta’ Jannar, meta tkejlu 5.8 mm ta’ xita fi żmien 24 siegħa.

It-temperatura varjat bi kważi 14 il-grad tul dan l-istess xahar, bl-aktar temperatura baxxa kienet ta’ 5.1˚C u l-aktar għolja tkun ta’ 18.8˚C. It-temperatura tal-arja medja għal Jannar kienet ta’ 13.2˚C, jiġifieri 0.5˚C ogħla min-norma klimatika.

Il-baħar ukoll kien aktar sħun minn normal għal dan iż-żmien tas-sena, bit-temperatura tal-wiċċ tilħaq medja ta’ 16.6˚C minflok it-temperatura medja mistennija ta’ 15.8˚C.