Ambjent Lokali

Il-Perit Ellul urtata għall-fatt li ħadd mill-Gvern ma kellimha

Ritratt: MaltaToday
Saret taf mir-rapport tal-media

Il-Perit Elizabeth Ellul tinsab urtata bl-aħbar li tista’ titneħħa minn Chairperson tal-bord tal-ippjanar ta’ każijiet fuq art ODZ.

Jidher li Ellul mhux se tinħatar mill-ġdid fil-kariga tagħha li ilha tokkupa għall-aħħar snin iżda ħadd mill-Gvern ma kellimha dwar dan.

Wieħed mill-każijiet li Ellul iddeċidiet b’mod kontroversjali fuqu kien l-applikazzjoni għall-iżvilupp massiċċ fil-Qala Għawdex. Dan l-iżvilupp ta’ villa bil-pixxina kien ħoloq kontroversja sħiħa tant li spiċċa biex twaqqaf milli jsir.

Għal dan l-iżvilupp kien ivvota favur id-Deputat Laburista Clayton Bartolo li minn dak iż-żmien l’hawn ingħata kariga fil-Kabinett ta’ Robert Abela, minkejja d-deċiżjoni kontroversjali tiegħu.

Il-Perit Ellul, dak iż-żmien kien naqset milli tiddikjara kunflitt ta’ interess potenzjali waqt il-proċeduri wara li ġie żvelat li żewġha, il-perit Andrew Ellul, irrappreżenta lill-istess żviluppaturi tal-Qala fuq proġett ieħor.

Ellul u Bartolo kienu ġew akkużati mill-ambjentalisti talli naqsu milli jipproteġu l-ambjent, talli kienu qed joħolqu preċident li kmamar f’hħelieqi jinbidlu f’vilel jekk jiġi ppruvat li xi ħadd kien joqgħod hemm fil-passat.

Fl-aħħar jiem il-PA ġiet trasferita taħt id-dekasteru tal-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u għalhekk tneħħiet mill-portafoll ta’ Ian Borg mill-Prim Ministru Robert Abela.