Lokali

In-nuqqas ta’ rieda mill-Gvern qed tinkwieta lin-negozji

L-insensittivita’ tal-Gvern dwar il-ġejjieni tas-settur tas-servizzi finanzjarji, l-ekonomija b’mod wiesa’ u l-eluf ta’ postijiet tax-xogħol li jiddependu minn dan is-settur qed tinkwieta lin-negozji.

Fi stqarrija iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco u l-Kelliema għall-Ekonomija, is-Servizzi Finanzjarji u Innovazzjoni Kristy Debono, il-Partit Nazzjonalista fakkar fid-diversi twissijiet li reġa’ ingħata l-Gvern f’dawn l-aħħar jiem.

Fosthom il-Fond Monetarju Internazzjonali li poġġa dubji serji dwar kemm il-Gvern qed jiġġieled bis-serjeta’ il-ħasil tal-flus u wissa’ li jekk il-Gvern mhux se jieħu azzjoni bis-serjeta’ din tkun ta’ theddida għall-istabilita’ finanzjarja tal-pajjiż.

Twissijiet oħrajn wasslu mill-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta Andrew Beane li sostna li din is-sena hi waħda kritika biex il-pajjiż juri bis-serjeta’ li qed jindirizza in-nuqqasijiet f’dan is-settur bil-għan li tissewwa ir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Twissija oħra waslet fil-forma ta’ rapport dwar is-segretezza finanzjarja fejn Malta marret lura sew f’dan l-indiċi meta mqabbel mas-snin ta’ qabel. Alan Clobham, Kap Eżekuttiv ta’ Tax Justice Network, tenna li l-perċezzjoni barra mill-pajjiż hi li Malta qed tkompli tattira flus maħmuġa.

L-istqarrija ttemm li fid-dawl ta’ dan kollu, l-Oppożizzjoni hi mħassba il-Gvern xorta waħda qed ikaxkar saqajh biex jieħu azzjoni. Il-Kelliema qalu li għal darb’oħra, biex jipproteġi lil tal-qalba, il-Labour qed jiġi jaqa u jqum mir-reputazzjoni tal-pajjiż u l-għixien ta’ eluf ta’ negozji u professjonisti.