Lokali Unjoni Ewropea

Irridu nagħmluha aktar faċli biex dawk fil-bżonn igawdu minn skemi tal-UE – David Casa

“Għad baqa’ wisq burokrazija biex persuni fil-bżonn igawdu minn skemi tal-UE, bħal vawċers u banek tal-ikel. Irridu nagħmluha aktar faċli biex dawk li jiddependu minn dawn l-iskemi, jieħdu dak li ħaqqhom b’mod l-aktar faċli, bla burokrazija, u bla tfixkil żejjed. Din se tkun waħda mill-prijoritajiet tiegħi fin-negozjati tal-Fond Soċjali Ewropew li jmiss.”

Dan qalu l-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista David Casa waqt diskussjoni li hu organizza flimkien mal-MEP Taljan Brando Benifei, dwar kif jistgħu jiġu żviluppati għodod innovattivi li jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn fil-kontinent Ewropew, inkluż Malta. Id-diskussjoni saret fil-Parlament Ewropew fi Brussell, hekk kif bħalissa, David Casa beda n-negozjati, f’isem il-Parlament Ewropew, mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Kunsill tal-Ministri.

Mis-sena d-dieħla, l-Fond ta’ Għajnuna għal Dawk l-Aktar fil-Bżonn se jkun inkluż fil-Fond Soċjali Ewropew, u għalhekk, l-MEP Casa qal li se jassigura li dan jingħata l-importanza li hemm bżonn, u l-flus iddedikati għal dawn il-persuni u familji ma jonqosx.

Fid-diskors tiegħu, Casa, li hu Kwestur tal-Parlament Ewropew, qal li bosta nies fil-bżonn ma tkunx faċli għalihom biex imorru minn post għall-ieħor, u għalhekk skemi bħal dik tal-kard tippermettilhom biex jixtru affarijiet friski u dak li għandhom bżonn minn xi mkien viċin. B’hekk tkun qed titnaqqas ukoll il-ħela tal-ikel, spjega Casa.

David Casa temm jgħid li jinsab kunfidenti li n-negozjati jkunu ta’ suċċess, iżda hemm numru ta’ skemi importanti li se jinsisti li mhux talli ma jitneħħewx, iżda talli jissaħħu, biex b’hekk aktar nies igawdu minnhom b’mod faċli.

Għad-diskussjoni attendew diversi rappreżentanti ta’ għaqdiet u fondazzjonijiet Ewropej li jaħdmu fost dawk l-aktar fil-bżonn, fosthom rappreżentanti minn Malta.