Internazzjonali

It-traġedja tal-eks preżentatriċi ta’ Love Island: Jiżvelaw li Caroline Flack kienet mietet mgħallqa

L-inkjesta li qed issir fir-Renju Unit dwar il-mewta traġika tal-preżentatriċi Britannika, Caroline Flack, żvelat li hi instabet ‘mgħallqa fid-dar tagħha’ f’Londra – u li l-paramediċi u pulizija li kienu marru fuq il-post ma rnexxilhomx iġibuha f’sensiha. Dan wara li huma wieġbu b’urġenza għas-sejħa mingħand ħabiba ta’ Flack ‘li sabitha f’dik il-kundizzjoni’.

Caroline Flack kienet fost l-aktar personalitajiet magħrufa fid-dinja tal-ispettaklu u l-fama tagħha splodiet meta hi preżentat il-programm ferm segwit Love Island. L-aħbar ta’ mewtha, fi tmiem il-ġimgħa, xpruna dibattitu dwar il-kondotta tat-tabloids fil-media li kienu pubblikaw ‘valanga’ ta’ stejjer dwar il-ħajja privata tal-preżentatriċi.

Flack, li neħħiet ħajjitha fl-età ta’ 40 sena, kienet qed tistenna biex tgħaddi minn proċess tal-qorti fuq akkuża ta’ assalt fuq is-sieħeb tagħha u li hi dejjem ċaħdet.

Fl-aħħar xhur ta’ ħajjitha, il-preżentatriċi sofriet l-abbuż mingħand persuni li użaw il-mezzi tal-Internet biex jinsultawha u xi gazzetti rappurtaw it-‘tilwima domestika’ li kellha fid-dettall grafiku.

Il-familja ta’ Flack, intant, ħarġet għall-ewwel darba messaġġ li kienet kitbet il-preżentatriċi u li fih hi tgħid li ‘id-dinja tagħha spiċċat ladarba l-pulizija arrestawha minħabba l-allegat aġir tagħha fil-konfront tal-boyfriend’. Dan meta hi kienet ilha ż-żmien tbati ‘bil-problemi emozzjonali’.