Internazzjonali

L-immigrazzjoni wara Brexit: Ir-Renju Unit mhux se joħroġ visas għal ħaddiema ‘low skilled’

London Gatwick, March 2nd, 2018: Passengers walks past sign prior to immigration control pass a sign pointing towards queues for UK, EU and Non-EU passport holders. In April 2019, UK is set to leave the European Union - Brexit theme

Il-ħaddiema mingħajr sengħa partikulari – jew ħaddiema ‘low skilled’ – mhumiex se jingħataw visa, skont il-pjani għall-immigrazzjoni lejn ir-Renju Unit għal wara Brexit.

Il-pjani kienu żvelati mill-Gvern tal-Prim Ministru Boris Johnson, bl-amministrazzjoni f’Londra qed tħeġġeġ lill-entitajiet li jħaddmu lin-nies biex ‘jevitaw sitwazzjonijiet fejn jiddependu minn cheap labour li jkun ġej mill-Ewropa.’ Il-Gvern ħeġġeġ biex l-entitajiet jinvestu fit-taħriġ kontinwu tal-istaff u fl-iżvilupp ta’ teknoloġija tal-awtomazzjoni.

Il-Home Office f’Londra tenna li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-Unjoni għandhom ikunu trattati ‘indaqs’ ladarba jispiċċa l-moviment ħieles bejn ir-Renju Unit u l-UE fil-31 ta’ Diċembru. Intant, kelliema għall-Oppożizzjoni f’Londra wissew li ‘klima ta’ ostilità’  għandha tagħmilha diffiċli għar-Renju Unit biex tattira lill-ħaddiema.

Madankollu, il-Home Secretary (Ministru għall-Intern) Priti Patel għamlitha ċara li l-Gvern ‘irid jinkoraġġixxi lin-nies ta’ talent filwaqt li jnaqqas il-livelli tan-nies bi ftit edukazzjoni jew kapaċitajiet li qegħdin jaslu fir-Renju Unit’. Patel enfasizzat li n-negozji u l-intrapriżi fir-Renju Unit jistgħu anki jirrekultaw minn fost it-tmien miljun ħaddiem potenzjali fir-Renju Unit li fissrithom bħala ‘ekonomikament inattivi’.

Taħt dan il-pjan, id-definizzjoni skilled workers tista’ tkun estiża biex tinkludi persuni b’edukazzjoni sa A-level — u mhux bilfors fuq livell ta’ gradwati skont is-sitwazzjoni preżenti.

Ix-xogħol ta’ waitering u tipi ta’ ħidma fis-settur agrikolu għandhom jitneħħew mill-kategorija ġdida ‘tas-snajja’ li ‘il quddiem se tinkludi kapaċitajiet għal xogħol ta’ mastrudaxxa, kif ukoll għall-kisi u t-tibjid u anki l-kapaċità ta’ persuna biex tieħu ħsieb lit-tfal ( childminding).