Edukazzjoni Għawdex Lokali

L-istudenti Għawdxin iridu jistennew 3 snin oħra għal skola ġdida

Skola fir-Rabat Għawdex li l-ftuħ tagħha tħabbar ħames snin ilu, lura fl-2015, mhux mistennija tiftaħ il-bibien tagħha qabel tlett snin oħra.

Dan ħareġ minn tweġiba li ntavola l-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici b’rispota għal mistoqsija dwar l-istess skola mill-Membru Paralmentari Nazzjonalista Chris Said.

Madwar 500 student Għawdxi kienu mistennija jżanżnu din l-iskola l-ġdida s-sena li għaddiet, madankollu issa jidher li ħafna minnhom ikunu diġa spiċċaw l-edukazzjoni primarja tagħhom meta titlesta l-iskola.

Il-proċess tal-bini ta’ din l-iskola beda’ bil-problemi sa mill-bidu, jiġifier sa minn meta kien għadu qed jiġi identifikat sit għall-bini tal-iskola. Il-Fondazzjoni Għall-Iskejjel t’Għada (FTS) kienet sabet sit li però ma kienx skedat għal skopijiet edukattivi, biex imbagħad ġie deċiż li l-iskola tinbena biswit il-Middle School fir-Rabat.

L-MUT esprimiet tħassib għall-fatt li studenti se jkunu qegħdin f’ambjent ta’ sit ta’ kostruzzjoni sakemm titlesta l-iskola l-ġdida fuq is-sit tal-Middle School.

Tul il-proċess tal-konsltazzjoni biss l-FTS nefqet aktar minn €170,000 fi pjanti u tenders.

L-eks Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo kien ħabbar il-ftuħ ta’ tlett skejjel ġodda – din tar-Rabat Għawdex, waħda f’Marsascala u oħra f’San Pawl il-Baħar.

Studenti f’diversi skejjel fosthom dawk ta’ San Pawl spiċċaw jitgħallmu f’kontejners

Minbarra l-ittardjar fit-tlestija tal-iskola f’ Għawdex, dik f’Marsascala ħadet sentejn aktar milli suppost biex tlestiet, u dik ta’ San Pawl il-Baħar għadha trid titlesta, minkejja li d-data tat-tlestija ilha tiġġebbedd minn sena għall-oħra.