Lokali

L-MDA titlob tibdil għal-liġi tal-kera qabel ikun tard wisq

Il-Malta Developers Association (MDA) tinsab imħassba ħafna dwar kif il-liġi l-ġdida tal-kera qed taffettwa s-suq tal-propjetà.

Minkejja li għaddew inqas minn xahrejn mill-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida tal-kera, id-data tas-suq u r-rispons mill-industrija diġà juru tnaqqis sinifikanti fis-suq tal-kera lokali, peress li s-sidien tal-art qed iżommu lura milli jikru l-proprjetajiet tagħhom taħt ir-reġim il-ġdid; deskritt mill-MDA bħala wieħed restrittiv.

Fi stqarrija, l-MDA qalet li l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida qiegħda wkoll tħalli effett negattiv fuq is-segment tal-propjetà mixtrija għall-kera, li kibret b’mod sinifikanti matul l-aħħar snin, u li issa qed tirrapporta tnaqqis qawwi.

Il-burokrazija u nuqqas ta’ libertà fil-kuntratti huma fost ir-raġunijiet ewlenin għaliex din il-liġi l-ġdida mhix qed taħdem. Minflok, qed tagħmel ħsara lill-industrija u lill-ekonomija. Il-liġi mhix qed tkun fl-interess tas-sidien u lanqas tal-inkwilini, qalet l-MDA.

Filwaqt li hija favur bis-sħiħ sistema fejn il-propjetajiet mikrija jiġu rreġistrati, l-MDA tappella lill-gvern biex jieħu nota immedjatament tas-sitwazzjoni negattiva maħluqa mil-liġi l-ġdida u jieħu miżuri konkreti biex jindirizza s-sitwazzjoni qabel ma jkun tard wisq.

Il-bidliet għandhom jinkludu miżuri biex jeħilsu lis-sidien u lill-kerrejja minn regoli restrittivi u jiżguraw libertà totali tal-kuntratt, b’ħafna inqas burokrazija.

Il-gvern għandu wkoll jindirizza, mingħajr aktar dewmien, ir-regoli dwar il-kuntratti tal-kera ta’ qabel l-1995, li diġà ġew iddikjarati irregolari permezz ta’ diversi deċiżjonijiet tal-qorti, u li jipprojbixxu lis-sidien tal-art milli jgawdu b’mod sħiħ tal-propjetà tagħhom.

Filwaqt li l-kerrejja bi ftehim ta’ kera baxx qabel l-1995 għandhom ikunu protetti u megħjuna, huwa d-dmir tal-gvern u mhux tas-settur privat li jipprovdi din l-għajnuna.